Ritratti: Il-MEPA tneħħi 55 billboard illegali

Fil-jiem li għaddew ħaddiema tal-MEPA neħħew aktar minn 55 billboard illegali minn għadd ta’ toroq arterjali ewlenin f’Malta.
Id-Direttorat tal-Infurzar tal-MEPA neħħa ‘l fuq minn 27 billboard illegali minn siti prominenti bħal Triq Aldo Moro fil-Marsa, Triq Mikiel Anton Vassalli f’San Ġiljan, Triq Burmarrad f’San Pawl il-Baħar, Tul il-Kosta u Triq Sant’ Andrija fi Swieqi.
18-il billboard illegali oħra tneħħew mis-sidien rispettivi tagħhom.
Fil-jiem li ġejjin, il-MEPA se tkompli tneħħi billboards illegali oħra f’Malta u f’Għawdex, kemm dawk li huma weqfin u oħrajn li huma mwaħħla mal-ħitan.
Il-MEPA għalqet ukoll każ ta’ infurzar li nbeda fl-2010, li bih sit agrikolu kbir fil-viċinanza taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, kien qed jintuża illegalment biex jintefgħu kwantitajiet kbar ta’ tagħmir tal-industrija marittimu inklużi bastimenti skreppjati, kontenituri u wajers.
Wara spezzjonijiet reċenti fis-sit u twissijiet ta’ azzjoni diretta imminenti, il-proprjetarju tas-sit qabel li għandu jaġixxi u jikkonforma mal-ordnijiet ta’ infurzar.
Taħt is-superviżjoni tal-MEPA, il-materjal illegali ġie żgumbrat u s-sit kien imreġġa lura għall-istat oriġinali tiegħu, dak ta’ użu agrikolu.