Ritratti: “Il-Maltin għadhom jemmnu fil-ħajja” – l-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech qal li s-soċjetà Maltija għadha tgħożż il-valur tal-ħajja.
L-isqof qal li l-Maltin u l-Għawdxin għadhom jaqbżu għal min kellu ħajtu tkun mhedda, jagħtu vuċi lil dawk li m’għandhomx u għalhekk għadhom jemmnu fil-valur tal-ħajja billi jiddefenduha.
F’Quddiesa l-għada l-Ħadd, din id-darba l-Isqof ta’ Għawdex mexxa r-Rit tat-Tberik tat-trabi fil-ġuf ta’ ommijiet li għadhom fit-tqala. Dan hu rit li ġie introdott fil-Knisja Kattolika fl-aħħar snin b’rabta ma’ Jum il-Ħajja.
Għal din is-sena, id-Djoċesi ta’ Għawdex stiednet ukoll lill-qwiebel Għawdxin.
Huwa qal li ma jistax ma japprezzax il-fatt li l-familja u s-soċjetà Maltija u Għawdxija għandhom għall-qalbhom dan l-ethos li ilu ħaj minn żmien Kristu.
Kompla jgħid li “taqta’ barra xi ftit eċċezzjonijiet, il-kotra ta’ ġensna għadha tgħożż il-valur tal-ħajja. Tagħna għadha ċiviltà li temmen li l-ħajja umana hija sagra, u għalhekk ma nistgħux nilagħbu mal-ħajja”.
Fl-Omelija, huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ikunu “għajjurin għal din il-kultura favur il-ħajja”, filwaqt li qal li għandna noqogħdu attenti biex ma “niddakkrux minn tendenzi jew prattiċi li ma jirrispettawx id-dinjità tal-bniedem”.
L-attività kienet organizzata minn Dar Ġużeppa Debono, u fl-aħħar tal-Quddiesa l-koppji kollha li qed jistennew tarbija nġabru fil-Kappella tal-Madonna Ta’ Pinu biex jitolbu l-barka ta’ Ommna Marija, li, kif qal l-Isqof, hi wkoll, “bħal kull omm kellha l-esperjenza tat-tqala”.
Ritratti: Mill-preżentazzjoni tat-trabi li l-Azzjoni Kattolika ilha torganizza snin twal fis-Santwarju Ta' Pinu.