Ritratti: ​Il-magħsar l-antik minsi fiċ-Ċittadella l-ġdida

Ġimgħa wara li ġiet inawgurata ċ-Ċittadella fir-Rabat Għawdex, il-magħsar taż-żebbuġ taż-żmien ir-Rumani, għadu mitluq fit-trab tal-parkeġġ li hemm barra ċ-Ċittadella, fl-istess post fejn ilu abbandunat għal mill-inqas erba’ ġimgħat.
Minflok il-post oriġinali tal-magħsar, ftit il-ġewwa mill-mina ż-żgħira taċ-Ċittadella, fuq in-naħa tax-xellug, issa hemm kaxxa griża tal-Enemalta.  Għaldaqstant hu mifhum li l-magħsar tilef postu wkoll.  
Ma’ Newsbook.com.mt, fl-24 ta’ Ġunju, il-Ministeru għal Għawdex qal li l-magħsar tpoġġa temporanjament fil-parkeġġ, sakemm jitlestew ix-xogħlijiet.  Ġie assigurat ukoll li l-magħsar kien mistenni jitpoġġa lura f’postu fil-jiem li ġejjin.
Persuni li jiffrekwentaw is-sit qalu ma’ Newsbook.com.mt, li l-magħsar jinstab f’post aċċessibbli għal kulħadd, u jista’ faċilment jinsteraq jew issirlu ħsara.
Dwar dan, il-kelliema tal-Ministeru għal Għawdex qalet li l-magħsar fil-parkeġġ kien taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali ta’ Heritage Malta. Madanakollu mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lil Heritage Malta baqgħu ma ġewx imwieġba.
Intant, Heritage Malta avżat lill-pubbliku li l-mużewijiet u siti tagħha fiċ-Ċittadella huma miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas waqt l-attività Swar u Ħajja nhar is-Sibt li ġej.
Il-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu bejn is-7.30pm u nofsillejl, bl-aħħar dħul ikun fil-11.30pm.
Fl-inawgurazzjoni taċ-Ċittadella l-ġimgħa li għaddiet tħabbar li ċ-Ċittadella mistennija tkun kandidat bħala Wirt Dinji fil-lista tal-UNESCO.
Ritratti: Beppe Galea