Ritratti: “Il-korruzzjoni toqtol”; aktar strixxuni fil-Furjana u l-Belt

L-attivisti tal-grupp Reżistenza waħħlu strixxuni ġodda madwar il-Furjana u l-Belt Valletta bil-kliem “Il-korruzzjoni toqtol,” u bagalja bil-flus foloz u passaport Malti ġo fiha.
Fi stqarrija, huma kkundannaw lill-politiċi li minflok jipproteġu liċ-ċittadini, jagħmlu l-korruzzjoni li taffettwahom, u qalu li m’huma se jaħfrulhom qatt.
Reżistenza tkellmu wkoll fuq kif ħafna huma dawk li huma kontra l-korruzzjoni, iżda ftit jikkundannawha u jaħdmu kontriha, għax ikun jaqblilhom. F’dal-punt semmew lill-politiċi li minflok jaġixxu tal-“qaddejja tagħna,” “huma promoturi jew kompliċi f’atti ta’ korruzzjoni.” Komplew jgħidu li post dawn in-nies huwa l-ħabs.
Huma semmew ukoll lil dawk in-nies li ma jikkummentawx għax ikunu qegħdin jibbenefikaw minn pjaċiri żgħar, u kkundannaw l-aġir ta’ dawn in-nies ukoll, għax qalu li dawn huma wkoll kompliċi.