Ritratti: Il-ħsarat li ħalla r-riefnu tal-bieraħ

Ir-riħ b’qawwa ta’ riefnu, ilbieraħ ħalla diversi ħsarat f’lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex.
Tard ilbieraħ filgħaxija, kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-Pulzija kienet għaddejja b’ħidma intensiva ma’ Malta kollha minħabba li diversi siġar waqgħu fit-toroq Maltin.
Dalgħodu l-kelliema tal-Pulizija kkonfermat ukoll li ħadd ma weġġa’ kawża ta’ dan ir-riefnu.
Ritratti: Jerġgħu jinżlu mingħajr ma telqu; Sospiż is-servizz tal-vapur
Kienu diversi li fuq il-mezzi soċjali ppubblikaw ritratti tal-effetti li ħalla r-riħ fuq il-gżejjer Maltin.
Fosthom kien hemm is-Sindki ta’ Sannat u ta’ Għajnsielem li t-tnejn li huma appellaw lill-pubbliku biex joqogħdu attenti fit-toroq sakemm jitneħħew il-perikli kollha.

Is-Sindku ta’ Sannat Philip Vella qal li Triq Ras in-Newwiela kienet tinsab magħluqa u Triq it-Tempju tal-Imramma kienet b’karriġjata waħda magħluqa minħabba li fiż-żewġ toroq waqgħu ħitan sħaħ. F'Ta Sannat ukoll, karozza spiċċat mgħaffġa wara li waqa' wieħed minn dawn il-ħitan.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Għajnsielem Franco Ciangura qal li informa lill-Protezzjoni Ċivili biex ineħħu kull periklu filwaqt li l-Viċi Sindku Kevin Cauchi rringrazzja lill-ħaddiema tal-Kunsill li minn kmieni filgħodu bdew ix-xogħol ta’ tindif.
Siġra oħra waqgħet fi Triq Qasam San Ġorġ li mir-Rabat, Għawdex tmur Santa Luċija. (L-aħħar ritratt)
Intant, lokalitajiet oħra spiċċaw bla dawl wara li għadd ta' arbli tad-dawl ġarrbu xi ħsarat.
Kif żviluppat il-maltempata tal-bieraħ?
Newsbook.com.mt tkellem mal-amministratur tal-paġna fuq Facebook Gozo Weather Page Andrea Muscat fejn spjega li r-riħ qawwi ma kienx ikkawżat minn xi tromba iżda minħabba maltempata fl-għoli li ma twassalx ix-xita sal-art.
Muscat ikkonferma li l-iktar buffura b’saħħitha kienet ta’ 113km fis-siegħa, iġifieri Forza 11.
It-tbassir għall-kumplament tal-ġurnata huwa mistenni li jkun fil-biċċa l-kbira xemxi matul il-jum, li jsir imsaħħab filgħaxija.
L-ogħla temperatura mistennija tkun 21˚C u r-riħ mill-Majjistral Forza 4/5 kultant 6 matul il-jum, imbagħad jonqos għal-Forza 2/3 filgħaxija.

Ritratti: Facebook; Ricky Bugeja fuq info@newsbook.com.mt