Ritratti: Il-ġurnalisti maqtula l-protagonisti f’lejlet l-ewwel tas-sena f’Times Square

Reuters

Il-mistednin speċjali fil-festin ta’ lejlet l-ewwel tas-sena fi New York se jkunu l-ġurnalisti, peress li l-festin hu maħsub biex jiċċelebra l-libertà tal-istampa wara li nqatlu bosta ġurnalisti Amerikani tul l-2018.

Żewġ attakki partikolari laqtu lill-organizzaturi huma u jaħsbu dwar min għandu jkollu l-unur li jibda ċ-ċerimonja annwali fejn jaqa’ ballun kbir f’Times Square mat-tokki ta’ nofsillejl, tradizzjoni li ilha ħajja mill-1907.

Dawn l-attakki kienu dak ta’ Jamal Khashoggi, il-ġurnalist mill-Arabja Sawdija li kien jikteb għal The Washington Post u li kien joqgħod fl-Istati Uniti, u li nqatel fil-konsulat tal-Arabja Sawdija fit-Turkija, u l-attakk l-ieħor kien il-qtil tal-massa f’Ġunju fil-kamra tal-aħbarijiet tal-gazzetta The Capital f’Maryland, fejn inqatlu 5 ħaddiema.

Joel Simon, li hu d-direttur eżekuttiv tal-Kumitat li Jipproteġi lill-Ġurnalisti, se jkun l-ewlieni fost il-mistednin speċjali. Flimkien miegħu se jkun hemm ġurnalisti Amerikani u anke barranin, fosthom minn ABC News u minn The Washington Post.