Ritratti: Il-ġnien moħbi u abbandunat f’San Luqa

L-isptar San Luqa ilu mibni sa minn ftit qabel it-Tieni Gwerra Dinija u fuq medda tas-snin min jaf kemm ra nies deħlin u ħerġin. Imma forsi huma ftit dawk li jafu li fl-isptar hemm villa li għandha iktar minn 200 sena.  Kien bnieha l-Ingliż John Hookham Frere, li ġie jgħix Malta mal-mara tiegħu Elizabeth fl-1820 biex tkun tista’ tirkupra mill-marda.
Mall-Villa, Frere kien bena wkoll ġnien kbir, bil-ħsieb li jħaddem lin-nies li kienu joqgħodu fi kju wara l-bieb tad-dar biex isibilhom xogħol.  Villa Frere kienet tibda minn max-Xatt tal-Imsida u tispiċċa sa fejn illum hemm l-isptar Karin Grech.
Il-Perit Edward Said li studja u ta’ spiss iqatta’ sigħat sħaħ f’dan il-ġnien, b’dispjaċir jgħid li minflok il-ġonna ta’ Villa Frere, illum hemm il-ħwienet u l-flats ta’ max-xatt, il-ħelipad, l-iskola primarja tal-Pietà, l-isptar Karin Grech u l-parking tal-Malta Enterprise.
Jekk sa daqs mitt sena ilu, it-turisti kienu jiġu biex igawdu s-sbuħija ta’ dawn il-ġonna, illum il-ġurnata lanqas tarahom b'nemes għax il-ġonna huma mhedda bi proġett ta’ bini ta’ appartamenti.  Is-sena li għaddiet twaqqfet il-Fondazzjoni Friends of Villa Frere bil-ħsieb li ġġib il-Villa fl-istat oriġinali tagħha.
Fi kliem il-Perit Said, ftit tas-snin ilu sar wieħed mill-ikbar żbalji meta ħdejn il-ġnien inbena l-parking tal-Malta Enterprise u qasam il-ġnien fit-tnejn bit-tarmak, u warrab wieħed mit-tempji li hemm fil-ġnien.
Meta kien għadu fl-aqwa tiegħu, ritratti ta' ġnien Frere kienu dehru wkoll fuq ir-rivista Ingliża Country Life Magazine.  Fil-ġnien, Hookham Frere ħa ħsieb ukoll jagħmel parti kollha xagħri bil-ħarrub u l-bajtar, parti oħra fuq stil Ġappuniż li tasal għaliha minn mina li tneħħiet fil-Ħamsinijiet.
Mit-13-il tomna art li kienu ta' Villa Frere u l-ġonna tagħha, għad baqa biss 4 itmiem. Għadhom jidhru vaska, turġien, loġġa li kważi se taqa’, tempju, żewġ bankijiet tal-ġebel li qegħdin fil-Ministeru tal-Ambjent f’Santa Venera u ħafna tifrik ieħor.
Il-ġnien bħalissa mhu qed jitgawda minn ħadd, għajr mill-anzjani li hemm fl-Isptar Karin Grech, li xi drabi joħorġuhom fuq il-ħelipad biex jammiraw ftit ħdura u l-baħar ta’ Ta’ Xbiex.
Il-Fondazzjoni Friends of Villa Frere tixtieq żewġ affarijiet.  L-ewwel li d-Dipartiment tal-Artijiet jagħtiha l-jedd fuq l-art u t-tieni li jkollha biżżejjed fondi biex tirranġa l-ġnien.
Għal iktar dettalji tista' tidħol fil-grupp ta' fuq Facebook Friends of Villa Frere