Ritratti: Il-ġenituri ma’ wliedhom fil-klassi fl-Imġarr

L-Iskola Primarja tal-Imġarr fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola organizzat ġurnata speċjali, fejn il-ġenituri kellhom l-opportunità li jidħlu fil-klassijiet ta’ wliedhom.
It-tfal kienu għaddejjin b’esperimenti xjentifiċi li kienu jinvolvu wkoll stħarriġ matematiku u ħiliet oħrajn.
L-għalliema mill-kindergarten sas-sitt sena tal-primarja ppreparaw diversi attivitajiet u nvolvew lit-tfal u l-ġenituri b’mod li x-xogħol tat-tfal ikun investigattiv, ħolistiku u innovattiv.
Saru fost l-oħrajn esperimenti bil-kalamiti, lava lamps, investigazzjonijiet dwar it-taħlit ta’ materjali u użu kreattiv ta’ prodotti riċiklati.
Il-Kap tal-Iskola Antonella Ferrante qalet li din l-attività kienet xewqa kbira tagħha iżda ma kinitx isseħħ li kieku ma kellhiex l-għajnuna tal-assistenti kapijiet, Therese Rodgers u Maria Borg Vella, flimkien mal-istaff kollu.
Spjegat li l-għan ta’ dan il-jum ta’ Xjenza u Matematika kien biex jilqgħu lill-ġenituri fl-iskola, filwaqt li jieħdu esperjenza tal-mod kif isir it-tagħlim.
Wieħed mill-istudenti tas-Sitt Sena, Aiden Portelli, qal li waqt dan il-jum, il-ġenituri interessaw ruħhom ħafna fix-xogħol tal-istudenti. Żied jgħid li ħa ħafna gost jaħdem fi grupp ma’ sħabu u l-esperimenti kienu interessanti.