Filmat: “Kienu sejrin lura d-dar wara d-dramm tal-Imġarr” – Patri Giuliano

Patri Joe Giuliano qal li propju dakinhar tal-inċident, Graziella u Fallon Mallia kienu sejrin lura d-dar wara li marru jaraw id-dram tal-Ġimgħa l-Kbira fl-Imġarr.

Dalgħodu sar il-funeral ta’ Graziella u Fallon Mallia li l-Ħadd li għadda spiċċaw vittmi ta’ inċident fatali tat-traffiku fl-Imġarr. Il-funeral sar kmieni dalgħodu fit-8.30am fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħaż-Żabbar.

Graziella Mallia ta’ 53 sena u bintha Fallon Mallia ta’ 31 sena mietu wara li l-karozza li kienu fiha, misjuqa minn Graziella, ħabtet ma’ karozza oħra. Fl-inċident mietu żewġ persuni, tnejn oħra spiċċaw jissieltu għal ħajjithom, u ħamsa oħra ndarbu.

Aqra: Graziella u Fallon Mallia – iż-żewġ nisa li tilfu ħajjithom fl-Imġarr

Patri Giuliano qal li l-ħajja ta’ Fallon u Graziella filli kienet fid-dawl imbagħad fid-dlam. Sostna li sa dakinhar filgħodu stess huma marru l-Quddiesa u rċevew is-sagramenti u b’hekk kienu preparati mingħajr ma jafu. Spjega li jkun hemm persuni oħrajn li jkollom ċans jippreparaw għall-mewt tagħhom.

“Kienu dejjem flimkien, dejjem jiġru wara xulxin”

Patri Giuliano sostna li Graziella u Fallon kienu dejjem flimkien u kull fejn imorru kienu jmorru flimkien. Intant appella sabiex il-pubbliku jevita l-materjalità tal-ħajja. Qal li Fallon u Graziella ma ħadu xejn magħhom mid-dinja, imma magħhom ħadu l-għożża li bihom kienu jrabbu lit-tfajjel, l-għożża tal-familja u mhux il-flus.

Qal li huma issa jinsabu f’idejn Alla u għaldaqstant kulħadd għandu jħallihom imorru jsegwu l-istilla ta’ Bethlehem.