Ritratti: “Miceli kien kalamita għall-batut”

Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Charles Cordina rrifera għal artiklu li kiteb riċentement l-attivist ta’ kontra l-faqar Charles Miceli, fejn qal li jqis lilu nnifsu bħal kalamita li dejjem tfittex lil min ikun qed ibati.
Illum sar il-funeral ta’ Charles Miceli, l-attivist ta’ kontra l-faqar.
Waqt l-omelija tiegħu fil-Quddiesa tal-funeral Mons. Charles Cordina qal li dejjem ikun mument sabiħ meta jiċċelebra l-ħajja ta’ min bħal Charles Miceli kien jaf kif għandu jgħix.
Mons. Charles Cordina kkwota artiklu li Miceli kien kiteb fil-gazzetta t-Torċa fejn qal li l-enerġija tiegħu naqqset, però kien kiteb li l-ispirtu biex ikompli jgħin lill-batut għadu hemm. Mons. Cordina saħaq li l-ispirtu ta’ Charles Miceli għadu ħaj u li huwa l-ispirtu li jagħti l-ħajja lill-ġisem u mhux bil-kontra.
Mons. Cordina qal li anke jekk kien qed iressaq argument, Miceli dejjem kien ipoġġih bl-imħabba u bi tbissima.
Mons. Cordina fakkar kif anke Ġesù kellu spirtu mimli bl-imħabba. Spjega li għal Alla, iċ-ċentru huwa l-bniedem il-batut. Fakkar ukoll fil-kliem tal-Papa Franġisku li jgħid li l-Insara huma msejjħa biex jieħdu ħsieb lil min huwa dgħajjef fis-soċjetà. Jgħid li min jemmen li mgħandux ħin għal foqra, din hija sempliċiment skuża.
Fl-omelija tiegħu Mons. Cordina stqarr li r-rigal għal min jgħin lill-fqir huwa s-saltna ta’ Allla.
Il-Quddiesa tal-funeral saret fil-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar u bdiet fid-8.45am.
Miceli kien ġurnalist mal-Union Print, u għal tul ta’ snin ħadem fis-settur tar-rijabilitazzjoni tad-droga mal-organizzazzjoni tal-Knisja, il-Caritas.
Għal tul ta’ żmien, Miceli kien jifforma parti mill-Alleanza kontra l-Faqar fejn kien jagħmel minn kollox sabiex iqajjem aktar kuxjenza.
Wara li tħabbret il-mewt tiegħu, numru ta' persuni kitbu messaġġi fuq il-mezzi soċjali.
Ritratti: Ian Noel Pace