Filmat: Il-Franċiżi f’Malta f’solidarjetà mal-vittmi tal-massakru f’Pariġi

Għall-ħabta tas-7:00 ta' filgħaxija ħdejn il-monument Love fil-bajja ta' Spinola f'San Ġiljan saret dimostrazzjoni favur il-libertà tal-espressjoni mill-komunità Franċiża f'Malta wara li f'Pariġi nqatlu 12-il persuna fosthom ġurnalisti u membri tal-Pulizija.
Iċ-Charge d’Affairs Franċiż, Frederick Petris irringrazzja lil dawk li marru f’San Ġiljan b’solidarjetà mal-vittmi u qal li dan kien mument favur il-libertà tal-espressjoni.
Qal ukoll li kien impressjonat bin-numru ta' nies, anke Maltin, li marru juru s-solidarjetà tagħhom mal-familjari tal-vittmi.
Preżenti kien hemm fost l-oħrajn il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, iċ-Chairperson ta' Alternattiva Demokratika Arnold Cassola, Deputati u Ewroparlamentari.
Dan minbarra diversi ġurnalisti li wkoll żammew kartelluni bil-kliem "Je suis Charlie."
Spikka s-skiet b'ċapċip f'mumenti partikolari minbarra t-tgħanniq fost uħud mill-Franċiżi f'Malta.

Fl-attakk tal-bieraħ, tliet persuni armati bil-kalashnikovs u rocket launcher daħlu fil-bini tar-rivista satirika Charlie Hebdo f'Pariġi u wettqu massakru mill-ħaddiema. 
Fost il-mejta kien hemm ukoll erba' kartunisti u wieħed mill-edituri. 
Aktar kmieni llum, b'karti mitkuba fuqhom "Je suis Charlie", "I am Charlie" u "Jiena Charlie", madwar 30 ġurnalist minn kull kamra tal-aħbarijiet f'Malta nġabru f'Bieb il-Belt bħala turija ta' solidarjetà u kundanna għal dan l-attakk terroristiku. 
L-islogan "Je suis Charlie" deher f'bosta bliet madwar l-Ewropa u f'ħafna toroq prinċipali fi Franza, b'mod speċjali f'Pariġi

Filmat: Reel8 Productions