Ritratti: Il-fjamingu li baqa’ ħaj

Minkejja rapporti ta’ qtil ta’ fjamingi u għasafar protetti oħra, dawn ir-ritratti huma xhieda tal-imħabba tal-poplu Malti lejn l-annimali u n-natura.

Wieħed mir-ritratti juri l-Ispettur Frank Anthony Tabone fl-Għassa tal-pulizija tar-Rabat Għawdex ma' fjamingu żgħir li kien għadu kif ġie salvat mill-pulizija fix-Xwejni, limiti taż-Żebbuġ.

Sadanittant ritratti oħra li rċivejna fuq info@newsbook.com.mt juru l-istess fjamingu li kien ta' attrazzjoni għal dawk li kienu fil-madwar fosthom għaddasa u nies li kienu qed jgħumu, li min-naħa tagħhom għenu wkoll lill-pulizija fl-operazzjoni tagħhom.

Il-fjamingu nqabad mill-pulizija nhar il-Ħadd għall-ħabta tal-10.45 am, li mbagħad għaddewh f'idejn l-entitajiet rispettivi biex jittieħed f'riserva naturali.

Madanakollu ma jistax jingħad l-istess għax-xorti tal-fjamingu l-ieħor li s-Sibt wara nofsinhar inqatel minn kaċċatur fix-Xatt l-Aħmar fl-inħawi ta' Għajnsielem. 

 

Ritratti: Frank Anthony Tabone / Rose Sultana / Hilda Grima fuq info@newsbook.com.mt