Ritratti: Il-ferrovija Maltija terġa’ titfaċċa

Mit-Tlieta 1 ta’ Ottubru jibda jixxandar it-tieni staġun tas-sensiela L-Għarusa. Kif diġà kien imħabbar, din id-darba l-kumpanija Sharp Shoot Media, li tipproduċi din is-sensiela fuq kitba ta’ Audrey Brincat Dalli, se tkun qegħda terġa’ tagħti l-ħajja l-ferrovija Maltija, li fir-realtà waqfet topera f’pajjiżna fl-1931.

Mhux xi ħaġa faċli biex tagħmel xi ħaġa bħal din, iżda l-produtturi u diretturi ta’ din is-sensiela, Justin Farrugia u Steven Dalli, jinsabu determinati li jirnexxu fil-ħsieb tagħhom.

Ix-xogħol għaddej ġmielu, u llejla Justin Farrugia poġġa fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu ritratti dwar kif qed jirnexxielhom iwettqu din il-ħolma f’realta.

Hu ddeskriva din l-esperjenza bħala waħda maġika li nibtet minn sempliċi idea li joħolqu stazzjon tal-ferrovija.

Id-disinji li hu tella’ fuq il-paġna Facebook juru parti żgħira mill-proċess li sar biex setgħu jaħdmu dawn ix-xeni li se nkunu nistgħu nsegwu fi ftit ġimgħat oħra meta L-Għarusa tkompli tixxandar, u minbarra li se tkun qed tkompli tiżvolġi madwar l-istorja ta’ Diego u Bettina, kif ukoll il-libsa tal-Għarusa, se nkunu qed niltaqgħu ma’ bosta karattri ġodda li l-awtriċi ħolqot biex tkompli ssawwar l-istorja tagħha.

AQRA: L-ewwel trailer uffiċjali ta’ L-Għarusa