Filmat: “Ħallejt il-libsa fuq is-sodda u bdiet tikolha l-mogħża”

Maria Farrugia li llum għalqet 106 snin, u tgħid li minkejja l-età tinsab tajba. Għaldaqstant hi u tirrakkonta l-esperjenzi tagħha fil-passat, tgħid li ħajjitha dari kienet wisq isbaħ mil-lum.
Il-familja ta’ Maria nġabru magħha fid-dar tagħha fil-Ħamrun, sabiex jiċċelebraw għeluq snina, filwaqt li laqgħu lis-Segreatrju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis sabiex jagħti l-awguri tiegħu lill-mara. 
Ma’ Newsbook.com.mt, il-mara tkellmet dwar ħajjitha dari, fejn spjegat li kienet tilgħab biż-żibeġ, tħit sa anke lbiesi tat-tieġ tan-neputijiet, kif ukoll irrakkontat l-esperjenza tagħha meta waqgħet l-ewwel bomba fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Fost ir-rakkonti tagħha, u b'daħqa fuq wiċċha, Maria qaltilna li darba ħalliet waħda mill-ilbiesi tagħha fuq is-sodda u waħda mill-mogħoż tagħha bdiet tikolha.
Maria hija l-armla ta’ George Farrugia, u żżewġet meta kellha 30 sena. Miegħu kellha tlett itfal, u saret nanna ta’ sitta, bużnanna ta’ 19 u wkoll bużbużnanna ta’ tnejn.
In-neputi ta’ Maria, Stephen Muscat, tkellem ma’ Newsbook.com.mt u spjega kif jagħmel dak kollu li jista’ sabiex jassigura li nanntu jkollha l-għajnuna kollha neċessarja f’din l-età avvanzata.
Spjega li kemm-il darba taqa’ meta tipprova tqum u timxi waħedha, speċjalment fi ġranet fejn tkun għajjiena aktar minn oħrajn. Huwa qal li xtara apparat speċifiku li tixgħel alarm hekk kif Maria tqum sabiex jassiguraw li xi ħadd jassistiha.