Ritratti: Il-bugħaddas li salva lis-subien Tajlandiżi onorat mir-Re

Il-bugħaddas Mikko Paasi li telaq minn Malta biex jgħin isalva lis-subien Tajlandiżi maqbuda f’għar f’Lulju li għadda ġie onorat mir-Re tat-Tajlandja għall-qlubija tiegħu.

Flimkien ma’ martu, Mikko żar it-Tajlandja f’ċerimonja speċjali fil-Palazz tar-Re, li tiċċelebra l-ħajja tat-12-il tifel Tajlandiż li rnexxielhom isalvaw mill-għargħar li ħakmuhom f’Chiang Rai.

F’kitba fuq Facebook, Mikko qal li l-isbaħ parti minn dawn iċ-ċerimonji kollha kienet li jiltaqa’ mas-subien għall-ewwel darba kollha f’saħħithom. Għalih, din kienet l-aħjar “grazzi” tax-xogħol li wettaq flimkien ma’ bugħaddasa oħra.

Biggest thank you imagineble came today when we got to meet the 12 children first time in day light and in good health….

Posted by Mikko Paasi on Thursday, September 6, 2018

Huwa qal li jħossu grat ħafna u umli li qed jirċievi dan l-unur mal-113-il bugħaddas ieħor li għenu fil-ħidma ta’ salvataġġ. Mikko ddedika dan l-unur lil Saman Kunan, bugħaddas ieħor li tilef ħajtu huwa u jipprova jsalva lis-subien.

Mikko Paasi huwa Finlandiż li joqgħod f’Malta, fejn għandu ċentru għall-bugħaddasa f’San Pawl il-Baħar.

12-il tifel ta’ bejn il-11 u s-16-il sena u l-kowċ tal-futbol tagħhom ta’ 25 sena għebu f’għar fit-Tham Luang fil-belt Chiang Rai f’Ġunju li għadda.