Ritratti: Il-Belt Valletta bl-eluf wara d-Duluri

L-Arċsqof illejla mexxa l-pellegrinagg tradizzjonali ta’ Marija Addolorata, magħrufa aktar bħala Ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta.
Kif jidher fir-ritratti, eluf illejla attendew għal din l-attività li jumejn qabel ma l-Arċisqof jibda l-impenji tiegħu tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Id-devozzjoni lejn id-Duluri, l-Omm li qed tbati bid-dulur ta’ binha, għandha għeruq fondi ħafna. Il-Knisja tiċċelebra d-Duluri darbtejn fis-sena, fil-15 ta’ Settembru u ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. L-istorja tgħid li t-tifkira ta’ Duluri bdiet fis-seklu 15 f’Cologne, il-Ġermanja, bħala tpattija għall-ereżija ta’ John Hus.
Kien il-Papa Benedittu XIII li fl-1725 ordna li din il-festa tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Aktar tard il-Papa Piju VII kien għamel riforma fil-kalendarju liturġiku u żamm id-data tal-15 ta’ Settembru bħala jum it-tifkira ta’ Marija Addolorata fl-1814.
Fl-1684 bdiet tinfirex id-devozzjoni tad-Duluri f’Malta, bl-ewwel Konfraternita tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Għaxaq.
Din mhix l-unika purċissjoni bid-Duluri li ssir f’Malta, hekk kif bħal-lum ikunu bosta dawk il-parroċċi li joħorġu l-istatwa tad-Duluri tagħhom għall-qima tad-devoti madwar ir-raħal jew belt.
Ta’ min jingħad, iżda, li dil-purċissjoni partikulari hija fost l-aktar popolari fil-gżejjer Maltin.
Ritratti: Ian Noel Pace