Ritratti: Ikompli x-xogħol f’Dar il-Kaptan

Dar il-Kaptan fl-Imtarfa kompliet bil-proġett ta’ espanzjoni ta’ €125,000 li kienet bdiet f’Diċembru li għadda u li mistenni jkun lest sal-aħħar tas-sajf.
Id-Dar toffri servizzi ta’ respite li permezz tagħhom, familji li għandhom membru tal-familja bi bżonnijiet partikolari jkunu jistgħu jkollhom ħin ta’ mistrieħ.
Il-fażi ta’ kostruzzjoni tlestiet, u bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ madum, installazzjoni tal-ilma, elettriku u arja kundizzjonata, tikhil, tibjid eċċ.
Il-kamra multi-sensory saret ikbar u issa tista’ tilqa’ sebat itfal f’daqqa. Il-gymnasium se jkollu tagħmir speċjalizzat u jkun jista’ jilqa’ ħamest itfal.
L-Amministratur tal-Fondazzjoni, Joseph Gerada qal li l-għan ta’ dan il-proġett hu li “jgħollu l-istandard tas-servizzi li jagħtu lill-klijenti billi jtejbu l-kwalità ta’ ħajjithom waqt iż-żjara tagħhom f’Dar il-Kaptan”.