Ritratti: “Id-diffikultajiet kibru” – Evelyn u Michael

Fl-aħħar ġranet Rewind Productions kompliet bil-ġbid taż-żewġ sensiliet F’Ġieħ L-Imħabba u Sorelle, kif ukoll qed ilestu l-aħħar xeni biex jagħlqu għal kollox is-sensiela Ħbieb u Għedewwa, li bħalissa qed tixxandar ta’ kuljum fuq Melita More, Cable Channel 315. L-aħħar puntata minn din is-sensiela mistennija tixxandar nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu.

Dwar iż-żewġ sensiliet l-oħra li jixxandru fuq TVM, u li bħal għadd kbir ta’ programmi oħra kellhom jieqfu ħesrem minħabba fil-pandemija tal-Covid-19, issa reġa’ beda l-ġbid fuqhom.

“Id-diffikultajiet kibru,” qalulna Evelyn Saliba La Rosa u Dr Michael Vella Haber, l-awturi tas-sensiela u parti mill-kumpanija Rewind li tipproduċi dawn iż-żewġ sensiliet.

Huma spjegaw kif scripts li kienu ilhom miktuba qed ikollhom jinbidlu minħabba li l-locations qed isiru diffiċli. Dan għaliex illum il-ġurnata, kaġun tal-pandemija, mhux kulħadd lest li jilqa’ l-atturi u l-crew biex jiffilmjaw ġewwa darhom.

“Nifhmu lil kulħadd, għax il-biża’ hemm qegħda,” qaltilna Evelyn li spjegat ukoll li hemm min qalilhom li jistgħu ikomplu jużaw ir-residenzi tagħhom meta pajjiżna jagħmel 14-il jum mingħajr ma jirreġistra l-ebda każ.

Għall-awturi din xejn mhi sitwazzjoni faċli għax qed ikollhom idawru l-iscripts.

“Hemm ukoll il-problema li issa kulħadd qed ikollu bżonn iżomm il-bogħod,” spjegawlna. Huma wkoll daħlu fid-dettal li f’xena minnhom, minħabba li żewġ atturi kellhom bżonn jitgħannqu, kellhom ukoll imorru jittestjaw u meta r-riżultat ġew fin-negattiv, għamlu wkoll ix-xena li kienet importanti ħafna għall-istorja.

Fuq is-sett qed jittieħdu l-prekawzjonijiet u anki kellu jieqaf il-ġbid tas-sensiela meta kien hemm ukoll min għatas. Huma saħqu li filwaqt li dawn il-produzzjonijeit huma l-mezz tal-għixien għall-kumpanija Rewind, is-saħħa tal-atturi u l-crew tibqa’ l-prijorità tagħhom.

Huwa pjanat li meta F’Ġieħ L-Imħabba jasal lura se jkunu qed jitwasslu 36 puntata ġdida, filwaqt li Sorelle mistennija li jkun hemm 180 puntata oħra.

Evelyn u Michael żvelaw ukoll li minħabba f’ċirkostanzi maħluqa mill-pandemija, se jkun hemm tibdil f’xi atturi ta’ Sorelle u fil-fatt tlett karattri se jkollhom wiċċ ġdid fil-puntati l-ġodda li se jkunu qed jixxandru.