Knisja ta’ Ġieżu: Jeħilsuha l-Kurċifiss u t-Tabernaklu

Minkejja d-diżastru li sabu ma' wiċċhom il-Patrijiet Franġiskani tar-Rabat, meta daħlu u sabu parti mis-saqaf sfrondata, il-kurċifiss ta’ fuq l-artal maġġur u anke t-tabernaklu baqgħu mhux minsusa.
Kif jidher mir-ritratti, l-artal mejda spiċċa għal kollox u kif stqarr ma’ Newsbook.com.mt il-Gwardjan, għadu mhux magħruf xi ħsara hemm fuq il-paviment tal-presbiterju, iżda l-artal tal-irħam baqa’ mhux minsus, minkejja li l-parti li sfrondat tinsab eżatt fuqu.
Nies li kienu fuq il-post u li tkellmu ma' Newsbook.com.mt qalu li fuq il-kurċifiss "lanqas traba waħda ma hemm," oħrajn "San Ġużepp ħelishielna."
Apparti minn hekk, kif innutaw ħafna, b’xorti tajba s-saqaf ċeda matul il-lejl meta l-knisja kienet magħluqa u fiha ma kien hemm ħadd.
Għalissa l-knisja tinsab magħluqa għan-nies. Fuq il-post hemm Pulizija u anke periti biex jassiguraw li ma hemmx aktar periklu.
Il-Gvern ħabbar ukoll li bagħat ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet biex joffru s-servizzi tagħhom sabiex tkun magħrufa l-ħsara li saret.

Ritratt ta' Ian Noel Pace li juri l-kurċifiss li kien fuq l-artal maġġur tal-Knisja ta' Ġieżu