Ritratti: Iċedi parti minn scaffolding f’San Ġiljan

Ċeda parti mill-iscaffolding li hemm mat-torri li qed jinbena biswit it-torri ta’ Portomaso f’San Ġiljan. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6am.
Kif jidher mir-ritratti, li ntbagħtu minn qarrej ta’ Newsbook.com.mt, mal-iscaffolding niżel ukoll ġebel, brikks u materjal ieħor ta’ kostruzzjoni, li mblokka l-entratura ta’ wara tal-lukanda Hilton.
Din l-entratura tintuża mill-ħaddiema tal-lukanda u tmiss mal-Knisja magħrufa bħala tal-Buon Kunsill, li tinsab fuq il-Millenium Chapel f’Paceville.
B’xorti tajba, f’dak il-ħin, ħadd ma kien dieħel għax-xogħol jew għaddej mit-triq ta’ quddiem il-Knisja.
Dan l-inċident, li jidher li kien ikkawżat mill-maltemp qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin, seta’ kellu konsegwenzi ħafna iktar gravi, u ħasad bil-kbir lir-residenti tal-madwar li semgħu ħoss kbir ta’ ħadid u ġebel nieżel mill-għoli.
Nies fuq il-post qalu ma’ Newsbook.com.mt li anqas minn nofsiegħa wara li seħħ l-incident, il-ħaddiema kienu diġà ssejħu fuq il-post biex inaddfu l-entratura tal-lukanda.
Għal xi raġuni, ma jidhirx li b’dan l-inċident ġew avżati l-awtoritajiet ikkonċernati, biex tiġi aċċertata s-sigurtà tar-residenti u ta’ dawk li jiffrekwentaw din iż-żona turistika popolari.
Ir-ritratti ttieħdu wara li tnaddfet l-entratura