​Ritratti: Iċċelebrajt il-jum iddedikat għal darek?

Il-jum iddedikat għad-dinja jfakkar il-ġlieda kontra l-ħela, l-użu ta’ materjal li ma jiġix riċiklat u t-tniġġis tal-arja kif wkoll tal-baħar.
Manifestazzjonijiet kif wkoll attivitajiet f’192 pajjiż madwar id-dinja jsiru llum biex ifakkru lill-gvernijiet biex ikomplu jaħdmu għall-ħarsien tal-ambjent.
Jum id-Dinja (Earth Day) ġie ċċelebrat f’Għawdex permezz ta’ diversi attivitajiet ta’ tindif fuq l-art u fil-baħar.
It-tindif sar fil-Wied ta’ Marsalforn, fix-Xagħra, fis-Sanap il-Munxar, u fix-Xlendi.
Ħadu sehem tfal mill-iskejjel tal-Primarja tal-Konservatorju tal-Isqof, mill-Primarja St Francis u mis-Sekondarja tas-Seminarju Minuri, l-ERRC u numru ta’ għaddasa mill-Bubbles Dive Centre, Atlantis Diving, St Andrews Diving Gozo, Utina Diving College, Moby Dives, Nautic Team, u Sunday Dive Club.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana żaret il-postijiet kollha fejn sar it-tindif. Caruana tkellmet dwar l-importanza li jitnaqqas l-ammont ta’ skart li jintrema barra u dwar l-impatt negattiv li l-iskart jkollu fuq l-ambjent naturali.
Il-maskot Bruxkinu kien preżenti biex janima din l-attività. B’kollox inġabru mas-70 xkora ta’ skart. Il-Ministeru għal Għawdex ipprovda s-servizzi tad-Dipartiment tat-Tindif u tal-Intervention Team li għenu biex jinġabar l-iskart.
Din is-sena l-għan tan-network internazzjonali tal-Earth Day Network huwa li jonqos l-ammont ta’ plastik li qed iniġġes l-ibħra.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku qal li t-theddida tal-plastik fuq l-art u fil-baħar dejjem qed tikber. Qal li Malta hija pajjiż żgħir li jista’ jintroduċi bidliet kbar li jolqtu lil kulħadd.
Il-Baden Powell Scouts Malta (BPSM) naddfu żoni fl-Imtarfa, f'Ħaż-Żebbuġ, u fix-Xemxija. 
Għal iktar informazjoni tista’ tagħfas hawn.
Ritratti: MGOZ, Baden Powell Scouts Malta