Filmat: “Setgħet kienet diżgrazzja ikbar” – Ir-Rabtin jiċċelebraw quddiesa ta’ ringrazzjament

Matul il-lejl li għadda waqgħet parti mis-saqaf tal-knisja ta' Ġieżu, magħrufa bħala ta' San Ġużepp, fir-Rabat.
Kif jidher mir-ritratti, ċediet il-parti ta' fuq l-artal mejda.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Gwardjan tal-Komunità Franġiskana li għadu taħt xokk għal dak li ra quddiem għajnejh malli dalgħodu daħal fil-knisja.
Spjega kif diversi persuni u entitajiet qed joffru l-għajnuna tagħhom u li diġà għamel kuntatt mal-kuntrattur biex ikun jista' jibda x-xogħol.
Fakkar kif f'Diċembru li għadda, għadu kemm tlesta x-xogħol tar-restawr fuq il-knisja kollha u n-nefqa kienet ta' aktar minn €220,000.
Sa issa għadu mhux magħruf meta l-knisja se tkun tista' terġa' tiftaħ għan-nies.
Irringrazzja lil Alla li l-inċident seħħ bil-lejl u għalhekk fil-knisja ma kien hemm ħadd.
Ftit wara li seħħ il-każ, Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma' Patri Ramon Farrugia li spjega x-xokk li ħadu l-patrijiet malli daħlu fil-knisja u sabu t-tifrik. Fi kliemu "qisu seħħ terremot."
Intant dalgħodu żar il-knisja l-Arċisqof Charles Scicluna li aktar kmieni fuq Twitter kiteb juri s-solidarjetà tiegħu mal-Patrijiet Franġiskani u wiegħdhom talbu.
"Tibki tara dil-ħsara" – l-Arċisqof
Mons Scicluna rringrazzja kemm-il darba lill-Gvern tal-għajnuna li offra lill-patrijiet.
Talab biex nitolbu għall-patrijiet, iżda rrimarka li dan l-inċident għandu jservi ta' tagħlima sabiex nirrealizzaw li għandna tant ġawhar li hu fl-istess ħin delikati.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jżur lill-parijiet fil-ħin li ġej.
F'din l-istess knisja wieħed isib is-Santwarju ta' San Ġużepp immexxi mill-Arċikonftarnità ddedikata lilu. Meqjuma f'dan is-Santwarju hemm l-istatwa devota u antika ta' San Ġużepp li kienu ġabu magħhom il-kavallieri meta waslu Malta minn Rodi fl-1530.
Din kienet inkurunata nhar l-1 ta’ Mejju tal-1963.
Ir-Rabtin se jiċċelebraw quddiesa ta' ringrazzjament
Illejla r-Rabtin se jkunu qed jiċċelebraw quddiesa b'ringrazzjament lil Alla għal fatt li l-inċident seħħ bil-lejl u ma weġġa' ħadd.
Il-Quddiesa se tkun qed issir fis-Santwarju ta' San Ġużepp li jinsab fil-istess knisja.
Id-dħul se jkun mill-ġenb tal-knisja.
Kif tista' tgħin?
Infetaħ fond ta' emerġenza għal dawk li jixtiequ jgħinu biex, malajr kemm jista' jkun, tissewwa l-ħsara fis-saqaf tal-knisja.
Kull min jixtieq jagħti donazzjoni jista' jagħmel dan fuq il-kont BOV A/C 4002086884. 
Wieħed jista' wkoll iċempel il-kunvent fuq 21454594.
Il-Gvern joffri l-għajnuna biex jitneħħa l-periklu
Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, qal li għamel kuntatt mal-Gwardjan u f'isem il-Gvern offra kull għajnuna.
Aktar tard, fi stqarrija l-Gvern ħabbar li bagħat ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet biex joffru s-servizzi tagħhom sabiex tkun magħrufa l-ħsara li saret.
"Il-PN jappoġġja kull tip ta' għajnuna finanzjarja mill-Gvern"
Il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Gvern biex minnufih jintervjeni biex jgħin lill-Patrijiet biex tkun evitata aktar ħsara u l-ħsarat jittranġaw malajr.
Fi stqarrija, il-PN wera solidarjetà mal-Komunità Franġiskana u dik Rabtija.
Iddeskriva din il-knisja bħala "ġawhra Maltija" mhux biss mar-Rabtin imma wkoll mat-turisti.
Wiegħed lill-Gvern li se jappoġġja kull tip ta' għajnuna biex jibda x-xogħol fuq din il-knisja.
Il-Gwardjan tal-Franġiskani u l-Provinċjal jilqgħu lill-President Marie-Louise Coleiro Preca
Fr Martin Coleiro u Fr Richard Grech tkellmu mal-President, li appellat lil Maltin u l-Għawdxin sabiex jagħtu l-għajnuna tagħhom fil-kont bankarju li nħoloq apposta.
Irringrazzjat ukoll lill-membri tal-komunità tar-Rabat u lill-entitajiet kummerċjali li qed jgħinu bħala parti mir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva.
Il-BOV se jgħin fir-restawr
Il-Kap eżekuttiv tal-BOV, Mario Mallia, flimkien ma' Simon Azzopardi mill-Uffiċċju taċ-Ċermen u Charles Azzopardi mill-Eżekuttiv tar-Relazzjonijiet Pubbliċi, żaru l-Knisja ta' Ġieżu u wiegħdu l-impenn tagħhom sabiex jitħares il-patrimonju kulturali tal-pajjiż.
Ritratt tal-President: DOI – Clifton Fenech