Ritratti: Ibża’ għall-ambjent fl-Aħrax tal-Mellieħa!

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) appella lill-pubbliku biex meta jmur fl-Aħtax tal-Mellieħa jibża’ għall-ambjent naturali u ma jagħmlix ħsara jew vandaliżmu.
Fi stqarrija l-FKNK ħabbret li se torganizza attività nhar il-Ħadd li ġej bit-tema "Ingawdu u Nieħdu Ħsiebu Flimkien" fir-Riżerva tal-Aħrax tal-Mellieħa.
Il-Federazzjoni qalet li ilha mill-1986 tieħu ħsieb din iż-żona u l-imsaġar tar-Riżerva u ta' kull sena jiġu organizzati diversi ġranet ta tindif u konservazzjoni tal-ambjent naturali fejn il-membri tal-Għaqda jagħmlu xogħol li jinkludi tħawwil u żbir ta' siġar, tisqija, bini ta' ħitan tas-sejjieħ u ġbir ta kull tip ta' skart li jintrema minn persuni irrisponsabbli.
Qalet li ċertu nies jibqaw deħlin bil-karozzi ġewwa is-siġar u sabiex jagħmlu dan, qiegħed isir tqaċċit bl-addoċċ ta' siġar li għandhom il-fuq minn 30 sena, qed jitwaqqu ħitan antiki tas-sejjieħ u ħsara oħra. L-Għaqda ta sikwiet għamlet rapporti ta' din il-ħsara u l-iskart lill-Awtoritajiet kompetenti.
L-attività se ssir nhar il-Ħadd 18 ta' Frar bejn is-7.30 u l-10.30 ta' filgħodu.