Ritratti: Ħwienet magħluqa, toroq vojta imma kien hemm min sfida

Nicole Borg

Minkejja li s-soltu, bħal-lum, għexieren ta’ Maltin u Għawdxin joħorġu jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp, jidher li l-maġġoranza tan-nies qed isegwu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa. Madanakollu xorta ssib lil dawk li jħobbu jittantaw xortihom, xena li ma tantx qed tinżel tajjeb mal-Maltin li qed jibżgħu għal saħħithom. Minkejja li l-maġġoranza tal-ħwienet u r-restoranti huma magħluqa.

Il-coronavirus, sfortunatament wasslet sabiex għexieren ta’ Maltin u Għawdxin jiddeċiedu li jingħalqu fi djarhom u jiċċelebraw il-festa mod ieħor. Dan sabiex jissalvagwardjaw is-saħħa tagħhom, ta’ qrabathom u tal-pajjiż b’mod ġenerali.

Kmieni dalgħodu, waqt il-Breakfast Show fuq 103, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci appellat lill-pubbliku sabiex kemm jista’ jkun ma joħroġx mid-dar avolja llum festa u l-ġurnata tista’ tkun waħda xemxija.

Newsbook.com.mt żar diversi lokalitajiet fosthom ir-Rabat, fejn l-aktar li kien hemm nies li ltaqgħu fil-pjazez u fil-ħwienet, prinċipalment fin-naħa tal-parkeġġ pubbliku fejn hu l-aktar magħruf mal-Maltin għal żewġ pastizzi u t-te fit-tazza.

Dan minkejja li għal diversi drabi l-awtoritajiet tas-saħħa appellaw biex il-pubbliku ma jinġemax f’folol u kemm jista’ jkun ma jiltaqax ma’ persuni li ma jgħixux fl-istess dar. L-appell tal-Professur Charmaine Gauci dalgħodu kien sabiex il-pubbliku jqatta’ l-ħin tiegħu għall-arja fuq il-bjut u fil-btieħi minflok fit-toroq barra.

Minkejja dan, meta wieħed jidħol lejn il-qalba tar-Rabat, it-toroq li s-soltu jkunu mimlijin bin-nies jiċċelebraw il-festa tant mistennija ta’ San Ġużepp, it-toroq kienu abbandunati għajr għal xi anzjan jippassiġġa ‘l hemm u ‘l hawn. Iżda għal ħanut Parruċċan il-festa ġiet u b’mod jew ieħor fetaħ biex tal-inqas ir-Rabtin jkunu jistgħu jixtru xi ħaġa tajba u jiekluha ma’ qrabathom.

L-aktar persuni li jidhru li mhux qed iħallu l-biża’ tal-coronavirus twaqqafhom milli joħorġu huma diversi rġiel anzjani li dehru jitkellmu fuq xi bank jew ħdejn ħwienet tal-pastizzi f’diversi lokalitajiet. Inkluż fil-Mosta u anke f’Birkirkara.

Intant, kien hemm għadd ta’ persuni li ddeċidew li jerħulha lejn il-Ġnejna. Minkejja li kien hemm għadd konsiderevoli ta’ nies, jidher li dawn qassmu lilhom innifishom fi gruppi żgħar, sparpaljati madwar il-bajja. Kulħadd fl-ispazju tiegħu. Oħrajn iddeċidew li jinqatgħu għalihom u minflok imorru mixja qalb il-ħdura tal-madwar tal-bajja tal-Ġnejna.

Intant, diversi ristoranti, li bħal f’dan il-jum, ikunu ppakkjati bin-nies, kulħadd jiekol barra, huma magħluqin jew kompletament vojta. Ħlief għal xi persuni li jidħlu jagħmlu xirja take-away.

Ritratt li wasal għand Newsbook.com.mt juri li anke l-vapuri tal-Gozo Channel qed jagħmlu vjaġġi vojta. Intant, simili għat-toroq ta’ Malta, dawk ta’ Għawdex ma tantx raw nies jippassiġġaw fihom.

Minkejja dan kollu, ritratt imtella’ fuq il-grupp ta’ Facebook Malta Motorcycles juri parti oħra ta’ Malta, partikolarment Triq il-Kosta fejn jidher li diversi sewwieqa tal-muturi nġabru flimkien. Minnhom fuq ċint u oħrajn bilwieqfa jgħidu kelmtejn. Xena li ma tantx niżlet għasel mal-persuni li raw ir-ritratt. Dawn sostnew li t-tobba u l-infermiera li qed jaħdmu lejl u nhar għas-saħħa tal-poplu ħaqqhom aktar rispett minn hekk.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn