Ritratti: Heritage Malta kontra l-iżvilupp f’Giardino Zamittello

Heritage Malta

Heritage Malta talbet biex tiġi rreġistrata bħala oġġezzjonatur għall-applikazzjoni ta’ żvilupp propost f’Giardino Zamittello.

Fi stqarrija, Heritage Malta qalet li hija d-dententur uffiċjali tat-titlu tal-proprjetà ta’ Villa Frere. Qalet li qed toġġezzjona kontra l-applikazzjoni ta’ żvilupp PA/00698/19 peress li tħoss li din il-proposta eventwalment se twassal għall-qerda ta’ ġnien storiku importanti magħruf bħala Giardino Zamittello. Qalet ukoll li żvilupp bħal dan se jsarraf ukoll għad-detriment tal-binja storika Villa Frere.

“Iż-żieda fl-iskedar ta’ Villa Frere bħala monument storiku ta’ Grad 1 u l-iskedar ta’ Giardino Zamittello, flimkien ma’ żona buffer adegwata biex tipproteġi l-kuntest, ġew ukoll uffiċċjalment mitluba minn Heritage Malta.”

Skont Heritage Malta, Giardino Zamittello huwa ġnien formali ta’ livell għoli li jikkonsisti f’serje ta’ strutturi mibnija lejn l-aħħar tas-seklu 18, b’tisbiħ ieħor li sar fil-bidu tas-seklu 19 bi stil Barokk u Neo-Klassiku. Huwa jinkludi wkoll torri li probabbilment intuża mir-ribelli Maltin waqt l-imblokk tal-Franċiżi. Evidenza dokumentata turi li kemm id-dar u kif ukoll il-ġnien kienu jappartjenu lill-Awditur Giuseppe Nicolo Zamitt sive Zamittello, li kien ukoll is-sid ta’ Palazzo Zamittello fi Strada Reale, il-Belt Valletta, li kienet tinsab faċċata tar-Royal Opera House, u anki tal-proprjetà ikonika ta’ Castello Zamittello fl-Imġarr, Malta.

Heritage Malta qalet li Zamittello kien leġiżlatur Malti magħruf u studjuż kbir, b’karriera li tkopri żmien it-tmiem tat-tmexxija ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann, l-okkupazzjoni ta’ Napuljun, u l-bidu ta’ gvern kolonjali Brittaniku. Huwa kien fost wieħed mill-ewwel individwi li rċevew kavallerat meta twaqqfet l-Ordni ta’ San Mikiel u ta’ San Ġorġ. Jingħad ukoll li hu kien l-uniku Malti li ndifen fil-kappella tal-Lingwa ta’ Auvergne ġewwa l-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, wara l-mewt tiegħu fis-7 ta’ Settembru 1823.

Skont Heritage Malta, il-Pietà hija magħrufa għad-djar u l-ġonna aristokratiċi bħal Villa Guardamangia, Casa Guardamangia, Villa Medina u Villa Zammit. Villa Frere u Giardino Zamittello huma speċjali għax joffru simbjosi ta’ kif twaħħdu mat-topografija tal-Qrejten ta’ dari (Pietà). Barra mill-valur intrinsiku u storiku tagħha, Villa Frere hija sinifikanti wkoll għall-istorja tagħha relatata mal-lingwa Maltija peress li Mikiel Anton Vassalli qatta’ ħinijiet twal f’din il-proprjetà sabiex jiddiskuti ma’ Frere dwar it-twaqqif tal-Malti bħala lingwa miktuba u mgħallma.