Ritratti: “Ħajtu kienet talba bla waqfien” – L-Isqof Grech

Mario Muscat

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech iddeskriva l-ħajja ta’ Dun Mikiel Attard bħala talba bla waqfien.

Waqt quddiesa li saret fuq il-qabar ta’ Dun Mikiel Attard, l-Isqof Grech ikkwota kemm-il darba mill-kitbiet ta’ Dun Mikiel. Il-qabar ta’ Dun Mikiel jinsab fiċ-Ċimiterju l-qadim tad-Duluri fin-Nadur, fil-lokalità fejn twieled.

L-Isqof Grech sostna li l-kitbiet ta’ Dun Mikiel juruh bħala bniedem tassew kontemplattiv u li kien jgħix fil-kumpanija ta’ Ġesù. L-Isqof spjega li huwa mhux biss kien jaf dwar Ġesù iżda kien jaf lil Ġesù.

L-Isqof ikkummenta li ħajjet Dun Mikiel kienet talba bla waqfien, kompla jgħid li l-liturġija kienet l-għajn ewlenija li minnha kien jixrob is-saċerdot. B’referenza għall-kitbiet ta’ Dun Mikiel joħroġ li f’ħajtu ma kienx hemm wisq differenza bejn il-liturġija ċċelebrata u l-azzjoni.

Dun Mikiel Attard ġie ordnat saċerdot fl-1959. Huwa miet f’Lulju 2004, fl-età ta’ 71 sena, wara snin twal marid.