Ritratti: Ħafna nqabdu jsuqu mingħajr ċinturin tas-sigurtà f’Ottubru

kontrolli tat-traffiku pulizija
CMRU

Read in English.

Matul Ottubru, diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija wettqu kontrolli tat-traffiku f’ħafna lokalitajiet madwar Malta u Għawdex li fihom waqqfu aktar minn 2,500 vettura, li f’ħafna minnhom, is-sewwieqa nqabdu jsuqu mingħajr ma kienu lebsin ċinturin tas-sigurtà.

Il-kontrolli tat-traffiku kienu kkordinati mill-Pulizija tad-Distretti u fi wħud minnhom kienu assisti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, mis-Sezzjoni tal-Klieb, tal-Garaxx, flimkien ma’ membri tal-Forzi Armati.

Il-kontrolli saru, fost l-oħrajn, il-Birgu, Birkirkara, Birżebbuġa, Bormla, il-Furjana, il-Ħamrun, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsaskala, il-Mosta, in-Naxxar, il-Qawra, Ħal Qormi, ir-Rabat, Raħal Ġdid, Santa Venera, San Ġiljan, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, is-Siġġiewi u Ħaż-Żabbar. F’Għawdex il-kontrolli saru f’Għajnsielem u r-Rabat.

Diversi sewwieqa nħarġulhom avviżi ta’ kontravenzjoni tat-traffiku, l-aktar minħabba li nqabdu jsuqu mingħajr iċ-ċinturin tas-sigurtà. Sewwieqa oħra nqabdu jsuqu bla liċenzja u bla assigurazzjoni, uħud kienu qed isuqu b’veloċità eċċessiva, u oħrajn twaqqfu minħabba li l-vetturi nstabu bi ħġieġ tinted u bla pjanċa tar-reġistrazzjoni. Numru ta’ sewwieqa oħra nqabdu jsuqu taħt suspett tal-influwenza tal-alkoħol u wara li sar test tal-kampjun tan-nifs, dan immarka pożittiv. Sewwieqa oħra nqabdu fil-pussess tad-droga kokaina u kannabis.

Kien hemm ukoll sewwieqa li joffru s-servizz ta’ ġarr tal-passiġġieri li nqabdu jsuqu bla maskra bi ksur tal-Avviż Legali dwar l-ilbies mandatorju ta’ maskri.

Kontrolli oħra saru mill-Environmental Protection Unit (EPU), dwar illegalitajiet varji b’mod speċjali relatati ma’ attivitajiet ta’ kaċċa u insib.