Aġġornata (2): Fil-periklu tal-mewt wara ħabta f’Għajnsielem

Read in English.

Raġel ta’ 59 sena mix-Xagħra jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’ħabta bejn żewġ karozzi u mutur. Ir raġel li kien qed isuq il-mutur ittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex flimkien ma’ mara ta’ 46 sena mill-Għarb li qed issofri minn xokk qawwi.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ħabta kienet bejn żewġ karozzi u mutur, iżda ntlaqtu żewġ karozzi oħra li kienu pparkjati.

Is-sewwieqa ta’ karozza minnhom hija mara ta’ 46 sena mill-Għarb, u s-sewwieq tal-mutur huwa raġel ta’ 59 mix-Xagħra. Is-sewwieq tal-karozza l-oħra, raġel ta’ 44 mill-Ukrajna residenti San Ġiljan, ma kellux bżonn imur l-isptar.

Il-kelliem spjega li l-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.45pm. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr B. Sultana ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta.

Iktar kmieni matul il-jum il-Pulizija fi stqarrija qalet li mara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fl-istess triq ftit jiem ilu tilfet ħajjitha.

AQRA: Tmut il-passiġġiera involuta f’inċident f’Għajnsielem

Is-Sindku ta’ Għajnsielem, Kevin Cauchi, fuq Facebook saħaq li dan huwa r-raba inċident serju f’ħmistax u reġa’ appella lill-awtoritajiet ikkonċernati biex tittieħed azzjoni immedjata.

Aqra iktar:

Aġġornata: Mara tissielet għal ħajjitha wara ħabta f’Għajnsielem; 9 feruti

Ritratti: Inċident f’Għajnsielem; is-Sindku jappella għal miżuri aktar drastiċi

Aġġornata: Sewwieq ta’ mutur gravi wara ħabta f’Għajnsielem