Ritratti: Ġrieden jiġru fit-triq minħabba garaxxijiet mitluqa

Residenti f’San Pawl il-Baħar għamlu sensiela ta’ rapporti lid-Dipartiment tas-Saħħa u tas-Sanità minħabba ammont konsiderevoli ta' ġrieden li qed jiġru fit-toroq.
B’ritratti li tpoġġew fil-midja soċjali, dawn ir-residenti qed isostnu li din is-sitwazzjoni qed tirriżulta minħabba garaxxijiet mitluqa fi Triq il-Kavetta.
Il-ġrieden intlemħu qrib ta’ dawn il-garaxxijiet u jidhru jiġru fuq il-bankina u fit-triq.
Triq il-Kavetta hija qrib Triq it-Turisti, li hija triq ewlenija lejn Buġibba.
Jirriżulta wkoll li fil-madwar fejn intlemħu l-ġrieden u fejn hemm dawn il-garaxxijiet mitluqa hemm ukoll numru ta’ stabbilimenti tal-ikel u guest houses.
Filwaqt li ġibdu l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, l-operaturi ta’ dawn l-istabbilimenti qalu li għalkemm huma jħallsu l-liċenzji kollha meħtieġa, l-inħawi tal-madwar jinsabu mitluqa u huma ta’ detrimenti mhux biss għall-Maltin imma wkoll għall-ammont kbir ta’ turisti li jżuru din il-lokalità.
L-operaturi tal-guest house saħansitra qalu li mhux l-ewwel darba li kellhom personalment flimkien mal-ħaddiema inaddfu t-triq iżda saħqu li minħabba l-ġrieden mhux qed jirriskjaw is-saħħa tal-ħaddiema tagħhom.
Għalhekk qed jappellaw lill-Kunsill Lokali u l-Awtoritajiet kollha kkonċernati biex jieħdu azzjoni malajr kemm jista’ jkun.