Ritratti: Gowler jirrispondi telefonata f’nofs logħba

Gowler deher jaqbad u jwieġeb mowbajl li twaddab lilu minn wieħed mill-partitarji waqt logħba mimmlija avvenimenti mhux tas-soltu. Il-logħba, derby bejn żewġ timijiet tal-Amerka ‘t Isfel, spiċċat kellha tiġi abbandunata.

Flares u murtali spiċċaw imlew il-grawnd waqt il-logħba bejn it-timijiet Ċileni ta’ Colo Colo u Universidad Catolica.

L-istilla ta’ Colo Nicolas Blandi ġietu tajba u ħarab injury serja x’ħin splussiv żgħir sploda eżatt maġenbu. Blandi deher jaqa’ mal-art u jżomm widnejh. Huwa deher muġugħ xi ftit u kellu jinħareġ mill-grawnd biex jingħata t-trattament meħtieġ.

Ir-referee Piero Maza Gomez ħass li l-plejers kienu fil-periklu u ddeċieda li jwaqqaf il-logħba 19-il mbinuta bogħod mis-suffara finali.

Universidad Catolica kienu qed jirbħu bl-iskor ta’ 2-0 dak il-ħin.

Mument xi ftit differenti kien x’hin il-gowler ta’ Catolica deher iwieġeb mowbajl li apparentament twaddab lejh minn partitarju ta’ Colo. Matias Dituro deher jaqbad il-mowbajl u jwieġeb telefonata. Ftit wara hu għadda l-mowbajl lil wieħed minn sħabu.