Ritratti: Ġiżelle kien se jkollha isem ieħor

Kurżitajiet interessanti dwar waħda mill-aktar produzzjonijiet b'saħħithom li qatt dehru fuq it-televiżjoni lokali.

Sarah-Lee Zammit bħala Ġiżelle

Lura fuq l-iskrins tat-televiżjoni kull nhar ta’ Sibt fit-8.30pm reġgħet bdiet tixxandar is-sensiela Ġiżelle b’żewġ puntati wara xulxin.

Interessanti tkunu tafu li din is-sensiela oriġinarjament kellha isem ieħor u dan kien Evelyn. Iżda peress li kien hemm l-attriċi Evelyn Saliba La Rosa tinterpreta lil Vivienne, ħassew li b’xi mod it-telespettaturi setgħu jitfixklu.

Il-ħsieb fuq is-sensiela beda ferm qabel ma wasal fuq l-iskrins tat-televiżjoni minħabba li għal bosta drabi din is-sensiela kienet ġiet proposta biex tixxandar fuq TVM. Iżda meta s-sensiela ġiet irrifjutata għal aktar minn darba, il-4 People (Evelyn Saliba La Rosa, Carlos Debattista, Rachel Cachia u Abigail Mallia) marru bih għand One TV. Il-proposta ġiet aċċettata u f’Ottubru tal-2006 bdiet tixxandar din is-sensiela li litteralment kienet ġennet l-udjenzi televiżiva.

Kurżità oħra hija dwar il-karattru tal-Baruni Luigi De Savoia Dimech. Fis-sensiela li qed terġa’ tixxandar bħalissa qed naraw lill-attur Anthony Ellul, iżda fid-demo li kien ġie ppreżentat bħala proposta lil TVM u wara lil One, il-parti kien interpretaha Salvu Mallia.

Għal Lara Azzopardi, is-sensiela Ġiżelle kienet tfisser id-debutt tagħha bħala attriċi. Ommha, Angela Agius, rajnieha wkoll f’xi xeni mill-ewwel puntata li reġgħet ixxandret il-ġimgħa l-oħra.

L-istorja ta’ Ġiżelle tkompli fuq l-istazzjon One għada s-Sibt 25 ta’ April b’żewġ puntati wara xulxin mit-8.30pm ‘il quddiem.