Ritratti: Nicole Frendo se tkanta f’festival tal-arti fil-Junior College

X Factor Malta

Il-festival annwali tal-arti fil-Junior College, Ħolqa, daħal fis-sitt sena tiegħu, u ħa l-isem Festival Internazzjonali tal-Arti għaż-Żgħażagħ, peress li flimkien maż-żgħażagħ Maltin, se jipparteċipaw ukoll Irlandiżi, Belġjani, Taljani, Bulgari u anke Franċiżi. Il-kantanta żagħżugħa Nicole Frendo, li kisbet fama fl-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta, peress li kienet waħda mill-finalisti, se tkun parti minn dan il-festival. Bħalissa hija studenta l-Junior College.

Il-Festival, li jibda llum u jibqa’ għaddej sa tmiem il-ġimgħa fi mkejjen diversi fil-kulleġġ, se jesebixxi wkoll it-talent tal-Orkestra, il-band, il-grupp taż-żfin, il-grupp tal-arti viżiva u l-grupp tat-teatru mill-Junior College, bil-għan li jippromwovi t-talent żagħżugħ lokali. Nicole Frendo se tkanta għada fid-9am. 

It-tema ta’ din is-sena hija abbiltajiet varji (diversability) u permezz tagħha, qed jitlaqqgħu flimkien għadd ta’ studenti u skejjel lokali ma’ dawk barranin kif ukoll klijenti b’abbiltajiet varji biex jiddjalogaw flimkien permezz tal-arti bis-sehem tal-MCAST, Sir Michelangelo Sixth Form f’Għawdex kif ukoll Spero, Aġenzija Sapport, Opening Doors u Maria Gauci.

Il-ftuħ tal-Festival se jsir illum fis-2pm fl-Awditorju tal-Junior College. Nhar il-Ħamis 28 ta’ Marzu fit-8pm se jkun organizzat palk ħieles bi sħab ma’ Inizjamed miftuħ għal kulħadd ġo Venue18 (Junior College).

Kull min hu interessat jikseb aktar informazzjoni huwa mħeġġeg jara l-paġna tal-proġett fuq is-sit soċjali FacebookTista’ tara l-programm kollu hawnhekk.