Ritratti: Ġibjun f’Ta’ Qali jinbidel f’nassa illegali tal-għasafar

Il-CABS qalu li persuni mhux magħrufa biddlu ġibjun vojt f’Ta’ Qali f’nassa kbira tal-għasafar.
Nhar is-Sibt waranofsinhar il-voluntiera tal-CABS sabu din in-nassa wara li semgħu minn fejn ġejjin recordings illegali ta’ għasafar protetti.
It-tfittix wassal għal dan il-ġibjun ta’ 40 metru b’20.  Fil-qiegħ kien hemm 5 xbieki u diversi għasafar tal-plastik.
Il-CABS qalu li din in-nassa intramat bil-għan li tattira għasafar mingħajr ma jindunaw il-pulizija.
Uffiċjali tal-ALE marru fuq il-post u niżlu 10 metri biex ineħħu x-xbieki u l-bird caller.
Bħalissa għaddejja investigazzjoni biex jinsabu l-persuni responsabbli.
Fl-aħħar tmint ijiem il-CABS sabu għaxar żoni illegali ta’ nsib.  Sa issa huma 5, il-persuni li se jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ dawn is-sejbiet.
Iż-żoni illegali kienu f’Ħal Kirkop, f’Binġemma, f’Ħal Għaxaq, f’Ħaż-Żabbar, f’Wied il-Għajn, f’Ħal Far, fl-Aħrax u fiż-Żejtun.
Nhar il-Ħamis li għadda, 11-il għasfur protett li nstab f’dawn iż-żoni, intelqu fir-riserva naturali tal-Għadira.