Ritratti: Għawdxin jilmentaw mal-MEPs kontra l-Ewropa

Uħud mill-parteċipanti f’sessjoni mal-Membri Parlamentari Ewropej f’Għawdex ilmentaw li l-Unjoni Ewropea mhix qed tkun ta’ ġid għal Għawdex.
Membri mill-għaqda li tirrappreżenta lill-Għawdxin li jaħdmu f'Malta spjegaw li mhux isiru biżżejjed proġetti u mill-proġetti li saru ftit laqtuhom jew ma ħallewx effett dirett fuqhom. Wieħed mill-parteċipanti f’din id-diskussjoni jaħdem fuq proġetti minn fondi Ewropej f’Ministeru partikolari.
B’risposta għal dawn l-ilmenti, il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech qal li għandhom ikunu l-awtoritajiet Maltin li jassiguraw li 10% tal-fondi Ewropej jaslu għand l-Għawdxin bi proġetti għall-ġid ta’ kulħadd. Spjega li kemm jekk inhi triq u anki jekk proġett kulturali bħal ma huwa r-restawr taċ-Ċittadella se jgħinu fl-iżvilupp u fil-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.
Min-naħa l-oħra, il-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi qalet li hija vvutat favur l-Unjoni Ewropea anke jekk il-Partit Laburista kien kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Spjegat li hija għamlet dan għax kienet u għadha konvinta li l-Ewropa għenet fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dan ħareġ fl-attività ‘Staqsi lilll-Membru Parlamentari Ewropew’ li saret ilbieraħ fl-Iskola Sekondarja fir-Rabat, Għawdex.
L-opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex u l-preżenza tal-Unjoni Ewropea f’Għawdex kienu s-suggett ta’ dibattitu mqanqal mal-Membri Parlamentari Ewropej Marlene Mizzi u Francis Zammit Dimech.
Ir-reġjonalità għal Għawdex kien suġġett ewliemi li tqajjem minn uħud mill-parteċipanti, bil-MPE jispjegaw li l-politika reġjonali attwali, fejn l-UE trid tilleġiżla għat-territorju Ewropew kollu, ma tatix lok għal dan l-istatus.
Il-proposta għal emenda kostituzzjonali li tirrikonoxxi lil Għawdex bħala reġjun kienet appoġjata mill-MPE Francis Zammit Dimech li nnota li din tgħin il-kawża ta’ Għawdex bħala reġjun quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Hu qal dan b’risposta għall-mistoqsijiet dwar il-pożizzjoni li ħadet il-Kummissarju tal-Politika Reġjonali Cretu fid-Djalogu maċ-Ċittadini li sar f’Ghawdex kontra fond separat għal Għawdex.
Il-MPE Mizzi enfasizzat li t-tkabbir ekonomiku u l-livell għoli ta’ impjieg f’Malta irid ikun rifless f’Għawdex. Il-MPE Mizzi ddiskutiet il-Portal Diġitali Uniku li bħalissa qed taħdem fuqu bħala rapporteur tal-Parlament Ewropew, li għandu jkun varat sa Ġunju. Spjegat li dan se jiffaċilita l-aċċess onlajn għad-dokumenti maħruġa mill-istat, bħaċ-ċertifikati, fl-Istati Membri kollha b’żewġ lingwi inkluża l-lingwa tal-Istat Membru.
Il-MPE Zammit Dimech innota li 10% tal-fondi tal-UE ghal Malta huma allokati ghal Ghawdex u fl-istess waqt spjega li l-awtoritajiet Maltin iridu jiddefinixxu lil Ghawdex bhala regjun Dan kollu spjegah fil-kuntest tal-politika nazzjonali biex Għawdex ikollu vuċi dwar liema proġetti jtejbu l-impjiegi, il-konnettività, it-tkabbir ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja.

F’filmat irrekordjat għal din id-diskussjoni, il-MPE Roberta Metsola inkoraġġiet liż-żgħażagħ Għawdxin biex ikunu pro-attivi u jinvolvu ruħhom biex iwasslu għall-bidla u l-opportunitajiet aħjar illi huma tant entużjasti dwarhom. Qalet li l-mina bejn Malta u Għawdex se tieħu ż-żmien iżda qalet li l-ħajja taż-żgħażagħ ma tistax tistenna sakemm din issir. Spjegat li servizzi u opportunitajiet aħjar huma meħtiega għal Ghawdex, filwaqt li enfasizzat il-bżonn ta’ breakwater f’Marsalforn biex ikun villaġġ turistiku tul is-sena kollha.
Iż-żewg MPE enfasizzaw il-valur tad-diskussjoni wiċċ imb’wiċċ maċ-ċittadini illi huma jirrapreżentaw fil-Parlament Ewropew u inkoraġġew lil dawk preżenti sabiex jibqgħu f’kuntatt magħhom dwar il-kwistjonijiet li qajmu biex ikomplu jiddiskutuhom. 
Is-sessjoni kienet organizzata miċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct ta’ Għawdex bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.
Ritratti: Beppe Galea