Ritratti: Għaqdiet Balzaniżi jingħaqdu biex jifirħu lill-Isqof Awżiljarju

Kurja – knisja.mt/ritratti

Għaqdiet minn Ħal Balzan inkluż iż-żewġ każini ngħaqdu flimkien biex jifirħu lill-Isqof Awżiljarju.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ċċelebra Quddiesa ta’ radd il-ħajr, fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan.

Waqt l-omelija, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li l-ewwel darba li daħal bħala saċerdot fil-parroċċa ta’ Ħal Balzan, propju 27 sena ilu, ħares lejn Marija Annunzjata u talabha sabiex bħalha jkun “qaddej tal-Mulej u tal-poplu tiegħu.”

Spjega li f’Ħal Balzan sab komunità li baqa’ jgħożż. Fl-omelija, l-Isqof Aqwżiljarju talab sabiex “bħal Marija nkun xandar tal-għożża tal-ħajja.”

Filwaqt li għamel referenza għad-diskors ta’ San Pawl lil Efesin, l-Isqof Awżiljarju qal li “hi l-imħabba lejn kulħadd, li ma tagħmilx distinzjoni ta’ razza, kulur, reliġjon, partit politiku, ġeneru.” Sostna li hi l-imħabba tgħinna nwarrbu l-imrar, il-korla, tgħajjir u l-għajjat. Irrimarka li l-imħabba tgħinna naħfru, negħlbu dak kollu li jweġġa’, u b’hekk ngħixu tassew fil-paċi ta’ Alla.

L-Isqof Awżiljarju l-ġdid ta’ Malta kien qal li qalb miftuħa għal kulħadd u mimlija mħabba tgħin biex tingħad kelma ta’ ġid u jkun hemm attitudni ta’ inkoraġġiment, ta’ kompassjoni u ta’ maħfra.

Dan kien l-ewwel kliem ta’ Mons. Galea-Curmi wara l-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu.