Ritratti: Għadu qed jiġi evalwat ġnien li suppost lest

F’dawn ix-xhur kellu jkun lest proġett ta’ tisbiħ qrib l-iskola Primarja fil-Kulleġġ Santa Margarita f’Bormla.
Dan il-proġett suppost li kien jinkludi faċilitajiet ta’ parkeġġ taħt l-art, ġnien u żona ta’ rikreazzjoni għat-tfal.
Għalkemm dan il-proġett ta’ tisbiħ tħabbar mill-Gvern f’Lulju tas-sena li għaddiet sal-lum għadu ma sar xejn.
Il-Ministri Joe Mizzi u Evarist Bartolo kienu ħabbru l-proġett waqt żjara li saret għat-tisbiħ u rinnovar fl-iskola.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla dwar dan il-proġett f’din il-lokalità iżda kelliem għas-Sindku qal li l-proġett ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura qalet li l-Gvern għadu bil-ħsieb li jagħmel dan il-proġett quddiem l-iskola Primarja.
Qalet li fil-preżent il-Gvern qed jevalwa x’inhuma l-aħjar soluzzjonijiet għal din iż-żona.