Ritratti: Galea, Bonello Spiteri jirbħu l-ewwel tellieqa tal-istaġun tas-Sprint Triathlon

Ritratt: Deacon Xuereb/DX Photography

Disgħin triatleti ħadu sehem fl-ewwel tellieqa tal-Go & Fun BSJ Sprint Triathlon Series li saret nhar il-Ħadd il-għadda ġewwa is-Salina. It-tellieqa ġiet organizzata mill-Birkirkara St Joseph Sports Club u li saret taħt l-awspiċji tal-Malta Triathlon Federation.

Bil-Covid-19 tikkanċella l-biċċa l-kbira tat-tlielaq internazzjonali u tqiegħed fid-dubju l-istaġun tat-triathlon, it-triatleti laqgħu l-opportunità li jtellqu lokalment. Il-parteċipazzjoni kienet sostanzjali u l-enerġija u l-entużjażmu kienet tinħass hekk kif it-triatleti waslu fiż-żona ta ‘tranżizzjoni.

Il-parteċipanti kollha bdew f’daqqa b’għawma ta’ 750m metru fl-ibħra kalmi u ċari. L-ewwel li ħareġ mill-ilma kien Bernard Sant, segwit għaxar sekondi wara miċ-Champion Nazzjonali Shaun Galea. It-tielet barra mill-ilma kienet Hannah Cutajar.

Hekk kif bdiet it-taqsima tar-rota, li tikkonsisti f’dawra ta’ 20km, il-postijiet bdew jinbidlu. Josef Bonavia, li rreġistra l-iktar ħin mgħaġġel fit-taqsima tar-rota, għalaq id-distakk li kien qed jifirdu minn Galea u Sant wara l-għawma. L-isforzi tiegħu fuq ir-rota ppermettulu jidħol fil-possibilta għal post fuq il-podju. Bonavia zamm postu mal-ewwel tlieta kif beda l-aħħar taqsima tat-tellieqa – ġirja ta’ ħames kilometri. Galea spiċċa fl-ewwel post segwit minn Sant u Bonavia.

Fil-kategorija tan-nisa Hannah Cutajar kienet l-ewwel barra mill-ilma. Fuq il-għarqbejha kienet Danica Bonello Spiteri li ħarġet ftit sekondi warajha. Bonello Spiteri pattiet għad-distakk fl-għawm u qabzet lil Cutajar fit-taqsima tar-rota. Bonello Spiteri żammet fuq quddiem sabiex tispiċċa fl-ewwel post. Dan kien ritorn fuq il-podju ta’din is-Serje wara li kella waqfa ta ftit zmien minħabba it-twelit tat-tarbija tagħha s-sena l-oħra. Cutajar, intant irreġistrat l-aħjar ħin fit-taqsima tal-ġiri u spiċċat fit-tieni post.  Warajhom, iċ-Champion Nazzjonali Lara Buttigieg żammet it-tielet post konsistenti matul it-tellieqa.

“L’atmosfera li kien hemm is-Salina il-Ħadd filgħodu kellha tkun esperjenzata sabiex wieħed jifhem verament l-entuzjasmu. Il-parteċipazzjoni kienet waħda mill-ikbar li l-Klabb kellu fi ftit żmien u turi kemm it-triatleti Maltin kienu ilhom jistennew sabiex itellqu.” spjega Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali tal-Birkirkara St. Joseph Sports Club.

Fit-tellieqa tal-Ħadd kien hemm numru ta’ triatleti zgħazagħ li bdew il-karriera tat-triathlon tagħhom mal-Malta Youth Triathlon Academy. L-Akkademja taħdem fil-qrib mal-Klabb li jgħin fl-organizzazzjoni tat-tlielaq taż-żgħażagħ matul l-istaġun kollu.

It-tellieqa li jmiss tas-Serje Go & Fun BSJ Sprint Triathlon issir nhar il-Ħadd 26 ta’ Lulju fi Triq il-Kosta tas-Salini.

Go&Fun BSJ Sprint Triathlon Series – Rizultati

RizultatiIrġielNisa
L-EwwelShaun Galea (1:02:54)Danica Bonello Spiteri (1:06:38)
It-TieniBernard Sant (1:03:25)Hannah Cutajar (1:07:48)
It-TieletJosef Bonavia (1:03:36)Lara Buttigieg (1:11:05)

Din l-informazzjoni twasslet minn emvigee pr & marketing