Ritratti: Folol kbar jitolbu għal Mons. Xuereb f’Għawdex

L-Għawdxin ilbieraħ inġabru waqt Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja ta’ Għammar, immexxija minn Dun Gerard Buhagiar, sabiex isir talb speċjali għal Mons. Alfred Xuereb.
Il-Mons. Xuereb, illum se jkun qed jingħata l-Ordinazzjoni Episkopali fil-5pm, fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma. Din se tixxandar dirett fuq Newsbook.com.mt.
Mons. Alfred Xuereb, wieħed mis-saċerdoti tad-Djoċesi ta’ Għawdex, intagħżel mill-Papa sabiex isir Nunzju Appostoliku tal-Korea t’Isfel.
Bi tħejjija għal dan, id-Djoċesi t’Għawdex ħarġet programm sħiħ ta’ attivitajiet li jfakkru din il-ħatra, fosthom il-ħruġ tat-timbru kommemorattiv mill-kumpanija Maltapost.
Ġimgħa wara l-ordinazzjoni episkopali tiegħu, it-Tnejn 26 ta’ Marzu Monsinjur Xuereb se jasal Malta, ftit qabel jibda l-ħidma tiegħu fil-Korea u l-Mongolja.
L-Isqof Mario Grech ilbieraħ indirizza lill-Mons. Alfred Xuereb waqt riflessjoni fil-Kappella tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ruma.
Ritratti: Djoċesi ta' Għawdex