Ritratti: Festa ta’ dawl u mużika quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann

Jekk kont wieħed mill-eluf ta’ persuni li lbieraħ ħejjew triqithom lejn il-Belt Valletta, f’xi ħin jew ieħor rajt ix-xenajru spettakolari rifless fuq il-faċċata tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Dan waqt li ndaqqet għall-ewwel darba is-Sinfonija korali ġdida mħejjija speċifikament għal Valletta 2018 li kienet kantata minn aktar minn 100 kantant lokali. Is-Sinfonija taħt l-isem ‘Elfejn u Tmintax’ hi bil-mużika ta’ Elton Zarb. Il-kor kien taħt id-direzzjoni ta’ Pamela Bezzina.

Il-ġimgħa l-oħra kien hemm l-inawgurazzjoni tar-rinovar tal-faċċata tal-Konkatidral.
Iċ-ċelebrazzjonijiet raw il-ftuħ tagħhom f’Dar il-Mediterran, fejn bosta persuni nvoluti tkellmu dwar ix-xogħol siewi li sar fil-preparamenti għal dan l-avveniment.
Madankollu bosta kienu ddiżappuntati mis-servizz tat-trasport pubbliku fejn jinsistu li ma kienx biżżejjed sabiex ilaħħaq mal-massa tan-nies li attendiet għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. 
Ritratti: Ian Noel Pace