Fejn f’Malta ssib l-iżjed siringi mormija fil-pubbliku?

Fl-aħħar sena, l-iżjed lokalità li fiha saru rapporti dwar siringi użati u li ġew mormija f’postijiet pubbliċi kienet Ħal Qormi.
B’kollox, fl-aħħar sena, f’dan ir-raħal kien hemm 20 rapport.
Wara Ħal Qormi, kien hemm 10 rapporti fil-Furjana u 8 f’Bormla.
Minn statistika li għandu Newsbook.com.mt, matul l-aħħar 12-il xahar, il-Pulizija rċeviet total ta’ 72 rapport dwar siringi mormija fil-pubbliku.
Mistoqsija dwar l-ilmenti li għamlu għadd ta’ ġenituri ma’ Newsbook.com.mt dwar siringi użati li ta’ spiss jiġu mormija ħdejn l-iskola primarja Theresa Nuzzo tal-Marsa, il-Pulizija qalet li rċeviet biss rapport wieħed.
Dan minkejja li l-Kunsill Lokali tal-Marsa qal ma’ Newsbook.com.mt li ta’ sikwit jinforma lill-Pulizija dwar periklu fi Triq Balbi minħabba s-siringi.
Anke l-Kap tal-Iskola, Sor Antonia Bugeja, kienet qalet li ta’ sikwit ikollha tirrapporta l-każ lill-Pulizija.
Mistoqsija xi jsir minn dawn is-siringi, il-Pulizija wieġbet li wara li jinġabru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tindif, dawn jitpoġġew f’kontenituri apposta.