Ritratti: Fattigi se jkompli … u bil-kbir!

L-istorja tas-sensiela popolari Fattigi, li kienet qed tixxandar kull nhar ta’ Ħamis fuq Net, ġiet fi tmiemha ftit tal-ġimgħat ilu. Iżda għalkemm il-ħsieb oriġinali kien li din is-sensiela tagħlaq fuq żewġ staġuni ta’ 28 episodju l-wieħed, il-popolarità tas-sensiela wasslet lid-diriġenti tal-istazzjon Net biex jitolbu lill-produtturi Watermelon Media jaħsbu fit-tielet staġun. “Kienet uġiegħ ta’ ras għalija li ħsibt li qed nagħlaq sensiela bl-iżjed mod pożittiv, li f’daqqa waħda nsib ruħi rrid nivvinta intriċċi ġodda, stejjer ħelwin u karattri ġodda,” qalilna Bryan Muscat, l-awtur tas-sensiela Fattigi.

“Barra minn hekk, fl-aħħar episodju tat-tieni staġun rajna li t-tlett fattigi protagonsisti tal-istorja ma baqgħux fattigi. Ma kinitx sfida faċli iżda flimkien mat-tim eċċezzjonali li sibt fid-dar tal-produzzjoni Watermelon Media, irnexxielna ngħelbuhom u bħalissa ninsab eċitat ferm li bdejna l-ġbid tat-tielet staġun,” żied jgħid Bryan Muscat li hu wkoll id-direttur ta’ Fattigi minbarra li ħadem il-parti żgħira ta’ Bobby, missier Catherine, li tarah u tkellmu f’moħħha peress li tilfitu meta kienet għadha tfajla.  Issa, li nafu li Fattigi se jkompli għat-tielet staġun nistaw nikkonfermaw li se jkompli bil-kbir għaliex l-istorja se tiżvolġi b’mod li ħadd m’hu qed jimmaġina.

Fl-aħħar episodji rajna kif Catherine spiċċat tmexxi kumpanija tal-importazzjoni, u anke ħadet f’idejha t-tmexxija tal-istitut, li kien imexxi Maurizio. Rajna ukoll lil Frances tegħleb il-biża’ li kellha fil-passat biex issa iżżewġet lil Bertu, u rajna lil Mandy li ġġieldet kontra l-ideat klassisti bil-mod doċili tagħha u mhux bl-atteġġjament vjolenti li kien jaddotta missierha. Mark, it-tifel ta’ Maryanne, u Mandy kienu qed jistennew tarbija, xi ħaġa li biddlet lil Maryanne minn ġewwa u wasslitha biex tapprezza lil kulħadd, ġej minn fejn ġej. Rajna ukoll kif Oliver, missier Maurizio, kisser il-ħajja ta’ ħafna nies, fosthom ta’ ibnu stess u kif dan spiċċa ħa deċiżjonijiet ħżiena u xellef difru mal-ġustizzja. Crystal, l-ex tfajla ta’ Mark, spiċċat ħażin meta wara li ppruvat u rnexxielha tidħak b’missieru Jonathan, dan qatilha. Fl-aħħar rajna ukoll stejjer ta’ qsim il-qalb u ferħ, meta Gregory u Svetlana telqu mill-istitut biex imorru jgħixu f’dar mal-familjari tagħhom. Għal Gregory din fissret ħafna, speċjalment meta skopra li nantu riedet lill-Olaf imur jgħix magħhom. Dan il-ferħ wassal biex Olaf ilissen l-ewwel kelma minn meta wasal Malta bħala tfajjel ċkejken.

Imma għalkemm l-istorja spiċċat u għalqet ħafna trufijiet, l-eluf ta’ segwaċi wrew ix-xewqa li din is-sensiela tkompli billi kitbu fuq il-medja soċjali. Ħafna wrew li s-semplicità fl-istorja hija facli biex jiddentifikaw magħha u ħassewha bħala serje li thallihom bi tbissima fuq wiċċhom għalkemm ċertu temi jnigżu fil-laħam il-ħaj. Sinifikanti wkoll l-ammont kbir ta’ nies li qed isegwu Fattigi fuq net-on-demand, il-pjattaforma diġitali ta’ Net Television fejn b’kumdità wieħed jista’ jara l-programmi kollha tal-istazzjon.

Allura x’qed nistennew minn Fattigi fit-tielet staġun? “Aktar stejjer ħelwin, karattri ġodda, settijiet ġodda iżda fuq kollox sorpriżi li ħadd ma stenna li se jiġru,” żvela magħna Bryan Muscat. Tlabnieh jgħidilna iżjed, iżda ħeġġiġna biex naraw it-tielet staġun għax hu mhux se jikxef!

Fattigi se jkomplu minn Ottubru fuq NET TV. Il-produzzjoni hi ta’ Watermelon Media, b’kitba u direzzjoni ta’ Bryan Muscat.