Ritratti: Raġel suspettat b’attakk terroristiku kien qed iġorr xkubetta tal-plastik

Wara li l-istazzjon ta’ Termini f’Ruma ġie evakwat minħabba li ntlemaħ raġel armat,  jirriżulta li s-suspettat kien qed iġorr xkubetta tal-plastik. 
Il-midja Taljana qed tgħid li r-raġel kien Taljan ta' 40 sena bi problemi fl-imġiba.
Dan is-suspett wassal lill-Pulizija Taljana biex jevakwaw  lin-nies kollha li kienu fl-istazzjon, tard ilbieraħ filgħaxija.
Suldati armati li daħlu fl-istazzjon għalqu l-aċċess għall-binarji tal-ferroviji kif ukoll l-aċċess għall-post mill-inħawi qrib.
Il-persuni li kienu fl-istazzjon ħarġu maħsuda u mbeżża’ u nġabru fil-Pjazza dei Cinquecento.
Passiġġieri li kellhom jibqgħu fil-ferroviji bdew jibagħtu messaġġi fuq il-mezzi soċjali jistaqsu jekk kienx seħħ xi inċident.
Oħrajn qalu li raw raġel li seta' kien armat b'wiċċu mgħotti u li kien qed idur qrib tal-binarji ħdejn is-siġġijiet fejn jistennew il-passiġġieri.
Wara li l-pulizja żammew xi persuni għall-interrogazzjoni, is-suspettat instab f’Anagni, fix-xlokk ta’ Ruma.
Għaldaqtstant, l-istazzjoni reġa’ lura għas-servizz tiegħu wara li għamel xi ħin magħluq.