Ritratti: Espressjoni fotografika

Minn kemm ilha mwaqqfa, il-Malta Photographic Society dejjem fittxet li toffri f’pajjiżna servizzi ta’ tagħlim marbuta mal-fotografija. L-għanijiet ta’ din is-Soċjetà minn dejjem kienu li tagħti għarfien lil dawk kollha li jixtiequ jsiru jafu iktar dwar il-fotografija. B’mezzi u għodod differenti, il-Malta Photographic Society li hija rikonoxxuta minn Assoċċjazzjonijiet Fotografiċi internazzjonali, tfittex li tgħin lil dawk li jixtiequ jimirħu f’dan il-mistjier biex jikbru u jsiru jafu iktar kif l-aħjar jieħdu r-ritratti tagħhom, kif ukoll kif wieħed juża l-apparat fotografiku. Dan twettqu fuq livelli differenti, kemm permezz ta’ sezzjonijiet ta’ taħriġ, laqgħat, u seminars. Tul is-snin, il-Malta Photographic Society fittxet li tagħti esperjenzi varji lil dawk li kienu membri tagħha u li llum-il ġurnata, minn dak li kien passatemp, issa qed jagħmluh fuq bażi professjonali.

Minbarra li tieħu ħsieb torganizza sezzjonijiet ta’ tagħlim, minn sena għall-oħra s-Soċjetà tfittex ukoll li torganizza kompetizzjonijiet fotografiċi għall-membri tagħha kif ukoll tara li ttella’ l-avveniment annwali ta’ kompetizzjoni fuq livell nazzjonali li għalih tistieden biex jipparteċipa lill-pubbliku inġenerali. Għal dan il-għan, is-Soċjetà tistieden ġurija lokali u internazzjonali biex tiġġudika dawk ix-xogħolijiet fotografiċi li wieħed ikun issottometta. Huwa fatt magħruf li bosta dilettanti tal-fotografija jkunu qegħdin jistennew bil-ħerqa dan l-avveniment annwali. Ir-rebbieħa u numru sostanzjali ta’ ritratti li jiksbu unur, jiġu esebiti f’waħda mis-swali prestiġġjużi f’pajjiżna. Hija opportunità sabiħa biex min hu dilettant tal-fotografija jkollu x-xogħol tiegħu esebit lokalment.

Il-Malta Photographic Society għandha l-pjaċir tħabbar li din is-sena wkoll, qed isejjaħ lill-pubbliku inġenerali biex jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni u esebizzjoni. Din is-sena, is-Soċjeta’ se tkun qed torganizza l-55 edizzjoni tal-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Fotografija li tibda mix-xahar ta’ Settembru, fejn dawk interessati huma mistiedna biex nhar is-Sibt 19 ta’ Settembru jieħdu r-ritratti tagħhom ġewwa l-binja tal-imsemmija Soċjetà, li tinsab 137, Triq l-Ifran, il-Belt Valletta. Bejn il-5 u l-21 ta’ Novembru, dawk ir-ritratti li jkunu rebħu u oħrajn li jkunu kisbu livell għoli ta’ kwalità fotografika, se jkunu qegħdin jiġu esebiti ġewwa Palazzo de La Salle li jinsab fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Kull min jixtieq iktar informazzjoni huwa mitlub li jżur is-sit elettroniku www.mpsmalta.com jew jibgħat e-mail fuq info@mpsmalta.com

Dan it-tagħrif twassal mill-Malta Photographic Society.