Ritratti: Eluf ta’ Maltin illum iterrqu wara d-Duluri

Eluf ta’ Maltin illum jinġabru flimkien biex iterrqu wara x-xbieha tad-Duluri.
Id-devozzjoni lejn id-Duluri, l-Omm li qed tbati bid-dulur ta’ binha, għandha għeruq fondi ħafna.
Il-Knisja tiċċelebra d-Duluri darbtejn fis-sena, fil-15 ta’ Settembru u ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira.
L-istorja tgħid li t-tifkira ta’ Duluri bdiet fis-seklu 15 f’Cologne, fil-Ġermanja bħala tpattija għall-ereżija ta’ John Hus.
Kien il-Papa Benedittu XIII li fl-1725 ordna li din il-festa tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Aktar tard il-Papa Piju VII kien għamel riforma fil-kalendarju liturġiku u żamm id-data tal-15 ta’ Settembru bħala jum it-tifkira ta’ Marija Addolorata fl-1814.
Fl-1684 bdiet tinfirex id-devozzjoni tad-Duluri f’Malta, bl-ewwel Konfraternita tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Għaxaq.
F’Malta, f’kull parroċċa ssib xbieha tad-Duluri u  għandna parroċċa ddeddikata għad-Dulur tal-Marija, f’San Pawl il-Baħar.
Fost il-purċissjonijiet l-aktar popolari hija tal-Belt Valletta. Din il-purċissjoni tibda fis-6pm u se tkun immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna. Il-purċissjoni tibda mill-Knisja Ta’ Ġieżu.
It-tradizzjoni tal-festa tad-Duluri ġabet magħha wkoll għadd ta’ taqbiliet fosthom:
O Marija, Omm id-Duluri
Imbikkija bla ma turi.
Tara l-Ibnek mislub,
Biex tarana mingħajr dnub.
Ritratti: Ian Noel Pace (arkivji)