Ritratti: Eliana fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Junior Eurovision

Fl-istess jum li waslet fil-Polonja fejn nhar il-Ħadd 24 ta’ Novembru se tkun qed tieħu sehem fil-finali tas-17-il edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest, ir-rappreżentanta Maltija Eliana Gomez Blanco diġà bdiet bl-ewwel impenji tagħha hekk kif illum wara nofsinhar, flimkien mal-parteċipanti kollha f’din l-edizzjoni, ħadet sehem fiċ-ċerimonja tal-ftuħ.

Il-Junior Eurovision, bit-tema Share The Joy, qed isir fil-belt ta’ Gliwice fil-Polonja iżda ċ-ċerimonja tal-ftuħ saret fit-teatru Silesia f’Katowice. Dan il-ftuħ kien ippreżentat minn Mateusz Szymokowiak, wieħed mill-preżentaturi tal-kompetizzjoni televiżiva The Voice of Poland kif ukoll għadd ta’ programmi oħra f’pajjiżu.

Minn għada t-Tlieta 19 ta’ Novembru se jibdew l-ewwel provi f’dan il-konkors li b’kollox qed jipparteċipaw 19-il pajjiz. Eliana filfatt se tkun qed tagħmel l-ewwel prova tagħha fid-9am!

Il-votazzjoni se tiftaħ nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru u aħna se nkunu nistgħu nivvutaw ukoll għal pajjiżna.

Il-pajjiżi li qed jipparetċipaw f’din l-edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest huma l-Albanija, l-Armenja, l-Awstralja, il-Belarus, Franza, il-Ġorġja, l-Irlanda, l-Italja, il-Każakhstan, Malta, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Polonja. Il-Portugall, ir-Russja, is-Serbja, Spanja, l-Olanda, l-Ukrajna u Wales.

Aktar dettalji se nkomplu nwassluh fil-ġranet li ġejjin.

Awguri Eliana!