Ritratti: €700,000 f’apparat mediku għal operazzjonijiet aħjar

Miguela Xuereb

Il-Gvern ħabbar investiment ta’ madwar €700,000 f’apparat mediku ġdid li se jwassal għal operazzjonijiet aħjar.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li se jkun jista’ jsir avvanz kbir mill-kirurgi fejn tidħol il-kirurġija invasiva. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li permezz ta’ dan l-investiment fil-qasam tal-laparoskopija l-kirurgu se jkun jista’ jopera mingħajr il-ħtieġa li jsir qsim kbir fil-ġisem tal-pazjent, l-operazzjoni ssir aħjar, ikun hemm inqas uġigħ għall-pazjent wara l-operazzjoni, u jkun jista’ jibqa’ rikoverat l-isptar għal inqas żmien. Dan iż-żmien huwa kalkulat li jista’ jonqos b’75%.

Huwa żied jgħid li l-pass li jmiss fil-qasam tal-kirurġija huwa li tiddaħħal is-sistema  robotika fejn il-kirurgu jkun assistit minn robot u b’hekk ikun hemm aktar perfezzjoni. Dan  mistenni jsir bejn 10 u 12-il xahar ieħor.

Il-kirurgu Jo-Etienne Abela qal li l-apparat introdott huwa pass ieħor ’il quddiem fil-qasam tal-laparoskopija u li se jkun qed jagħti lill-kirurgu stampa high definition ta’ fejn se jkun qed jopera.