Ritratti: €5 miljun f’kokaina maqbuda fil-Freeport

L-Uffiċċju tad-Dwana qabad 48 kilo kokaina fil-Port il-Ħieles illum, 3 ijiem biss wara l-qabda ta’ aktar minn 5000 kilo kannabis.

Il-kokaina nstabet f’kontenitur imkessaħ ġej mill-Ekwador li kellu jibqa’ sejjer lejn il-Greċja. Dan il-kontenitur intgħażel biex jiġi skenjat, u nstab li kien fih 40 pakkett moħbija b’sustanza bajda fihom. L-40 pakkett kienu jiżnu 48 kilogramma. Is-sustanza ġiet eżaminata u nstabet li kienet kokaina, li ġie stmat li tinbiegħ b’5 miljun ewro.

Il-każ ingħata lit-Taqsima tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga għal iżjed investigazzjoni, bil-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo tmexxi l-inkjesta.