Ritratti: €10 miljun droga f’żewġ kontejners

L-Uffiċjali tad-Dwana qabdu 90kg kokaina li kienu f’żewġ kontejners. Fi stqarrija, id-Dwana qalet li huwa stmat li l-valur ta’ din id-droga li nqabdet huwa ta’ kważi €10 miljun. Iż-żewġ kontejners kienu fi triqithom lejn Thessaloniki, fil-Greċja mill-Ekwador u kienu qed iġorru l-banana.

Id-Dwana qalet li min prova jdaħħal id-droga f’Malta uża l-istess metodu b’pakketti żgħar ġo pakketti ikbar fis-sistema tal-Air Conditioning tal-kontejner.

Id-dipartiment tal-iskenjar għamel l-ewwel sejba fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu b’35 pakkett kokaina b’valur ta’ €4.72 miljun. Aktar tard mal-ġurnata nstab it-tieni kontejner b’40 pakkett b’valur ta’ €5 miljun.

Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella qed tmexxi l-inkjesta.

Dan il-każ isegwu żewġ każijiet oħra ta’ droga fil-kontejners aktar kmieni dan ix-xahar fil-21 ta’ Diċembru u sejba oħra fil-21 ta’ Novembru.