Ritratti: Diżinfettati t-toroq tal-Belt Victoria

Beppe Galea

Fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu, ħaddiema mid-Dipartiment tal-Indafa Pubblika ħadu ħsieb jiddiżinfettaw it-triq prinċipali tal-Belt Victoria. Din il-ħidma qed issir f’kull lokalità b’ħidma kkoordinata mill-Ministeru għal Għawdex sabiex titnaqqas l-imxija tal-coronavirus.

Il-pubbliku kkollabora mal-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex li lbieraħ avża biex kemm jista’ jkun ħadd ma jħalli l-karozza tiegħu pparkjata fi Triq ir-Repubblika. Id-diżinfettar tat-toroq saret minn Pjazza Savina sal-parti ta’ isfel ta’ Triq ir-Repubblika inkluża Pjazza t-Tokk (Pjazza Indipendenza).

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku Josef Schembri rringrazzja lill-pubblika talli qed jikkollabora f’dan iż-żmien diffiċli. Huwa appella biex kulħadd jibqa’ jsegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Faħħar ukoll is-sehem ta’ diversi ħaddiema li xorta jridu jibqgħu jaħdmu f’dan iż-żmien diffiċli bħall-Forzi tal-Ordni, tal-indafa pubblika, d-dipartimenti u uffiċini oħra fosthom il-banek u l-ħwienet tal-ikel.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn