Ritratti: Dinjità – Le għall-abbuż

Dinjita
Ritratt@ Maria Galea

Il-Ħjata, bil-kollaborazjoni tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kif ukoll bil-għajnuna ta’ Jamie Camilleri minn BETA, tellgħet serata interessanti ferm fil-bitħa tal-Ministeru, bil-għan li jitqajjem għarfien dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika.

Il-qofol ta’ din is-serata kienet sfilata tal-moda li ġiet organizzata minn VickyAnn Xuereb bil-kumpanija tagħha Il-Ħjata. Il-mudelli, li kienu lebsin ħwejjeġ ‘casual’ kif ukoll oħrajn eleganti, ppreżentaw simbolu tal-mara moderna li ma għandha qatt taċċetta l-ebda tip ta’ vjolenza fuq il-persuna tagħha. Matul 16-il jum ta’ kampanja ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, ħareġ ċar il-messaġġ li m’għandiex tiġi ttollerata l-vjolenza domestika.

Atturi minn BETA, taħt id-direzzjoni ta’ Jamie Camilleri, rrakkuntaw esperjenzi ta’ vjolenza filwaqt li Mel Xkejfa u Danny Magro flimkien ma’ Mirabelle u Christabelle Bajada ppreżentaw kant u żfin proprju apposta għal dan il-għan. Sadanittant, il-pubbliku preżenti ha pjaċir jara mudelli ta’ esperjenza u oħrajn ġodda, jimmudellaw u jwasslu dan il-messaġġ hekk importanti.

Fl-aħħar tas-serata kien hemm diskorsi mill-Kummissarju Malti tal-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri u l-Onorevoli Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.

Id-diriġenti kollha ta’ din is-serata kienu ferm attenti biex jimxu mal-protokolli rigward il-pandemija Covid 19, maħruġa mid-dipartiment tas-saħħa.